top of page
  • Writer's pictureEditor

Fra Ian Zammit - Niltaqgħu mas-Saċerdot Novell


Ritratt - Arċidjoċesi ta' Malta. Imqiegħda: Fra Ian Zammit OP

Għidilna xi ħaġa dwarek...

Jien Fra Ian Zammit O.P. għandi 43 sena minn Ħal Qormi, mgħammed fil-Parroċċa ta’ San Sebastjan. Jien it-tielet minn erbat aħwa. It-tfulija kienet waħda sabiħa, imrobbi b’valuri tajbin u nsara. Kont nattendi l-iskola primarja f’Ħal Qormi u l-iskola sekondarja fil-Kulleġġ Mount Carmel, illum San Elija. Komplejt l-istudji tiegħi fil-Higher Secondary in-Naxxar u għamilt xi korsijiet fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u kors ta PGCE ta’ għalliem tar-Reliġjon. Matul is-snin kont għalliem f’diversi skejjel primarji tal-Istat u għalliem tar-Reliġjon fi skola tal-Knisja sekondarja mmexxija mis-Sorijiet Franġiskani. Kont ukoll membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija Museum.

Ingħaqdt fl-Ordni Dumnikan fl-2017 fejn rċevejt l-abitu u bdejt in-novizzjat fis-7 ta’ Settembru 2017. Fl-2018 għamilt l-ewwel professjoni msejħa 'sempliċi', bil-wegħda tat-tliet voti faqar, ubbidjenza u kastità għal tliet snin. Sadattant komplejt l-istudji tiegħi f’Bolonja u fl-Università ta’ Malta fil-Filosofija u t-Teoloġija. Fl-14 ta’ Settembru 2021 għamilt il-professjoni solenni fejn għamilt il-wegħda tal-voti għal tul ħajti kollha. Fit-30 ta' April 2022 ġejt ordnat Djaknu minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Din is-sena qiegħed inlesti l-kors tal-Liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta.


F’Ottubru tal-2022, il-Provinċjal assenjani fil-Kunvent ta’ Sidtna Marija ta’ Porto Salvo u San Duminku, il-Belt Valletta, fejn bdejt inwettaq xi ħidmiet


pastorali fl-għajnuna fil-Liturġija bħala djaknu, nipprietka l-omelija, għajnuna fil-katekizmu għat-tfal li sr jirċievu l-Ewwel Tqarbina u mal-grupp tal-Lajċi Dumnikani fil-Belt.


Għaliex reliġjuż?

L-Aspetti kollha tal-ħajja reliġjuża jagħmlu l-għajxien tal-vokazzjoni tiegħi b’mod sħiħ. L-għajxien tal-ħajja tiegħi bbażata fuq il-Kelma t’Alla, maqgħuda fit-talb u l-ħajja tiegħi ma’ sħabi fil-komunità jgħinuni biex naqdi b’leatà, ferħ u impenn din il-missjoni. It-tagħlim u dak li jiena nistudja huma għodda biex inwassal lil Kristu bil-kelma imma wkoll bix-xhieda li jiena nagħti fil-ħajja tiegħi ta’ kuljum.


Għaliex Dumnikan?

Il-kariżma Dumnikana tolqotni għaliex bħala Dumnikan jiena msejjaħ inwassal u nxandar il-Kelma t’Alla bbażata fuq il-verità għas-salvazzjoni tal-erwieħ, kif kienet ix-xewqa tal-fundatur tagħna San Duminku ta’ Ġuzman. Il-ħajja komunitarja, l-istudju u l-ħajja ta’ talb, flimkien mal-ħajja ta’ ministeru u servizz jgħinuni ngħix din il-mixja fil-ħajja reliġjuża. Jiena msejjaħ ukoll biex ngħix il-ħajja reliġjuża bħala saċerdot, fejn se niġi ordnat saċerdot fit-13 ta’ Mejju 2023.


Is-saċerdot huwa dak li jaqdi lil Alla u lill-poplu billi huwa strument f’idejh biex iwassal il-Kelma tiegħu, jiċċelebra l-Liturġija u s-Sagramenti, bil-milja tkun l-Ewkaristija li għandha tkun iċ-ċentru u l-qofol tal-ħajja tas-saċerdot. Huwa wkoll iwassal il-ħniena t’Alla u l-maħfra tad-dnubiet fis-Sagrament tal-Qrar.


Fra Ian Zammit O.P. ser ikun ordnat saċerdot fit-13 ta' Mejju 2023 fil-Konkatidral ta' San Ġwann, il-Belt Valletta fid-9:30a.m. bit-tqegħid tal-idejn minn Mons. Arċisqof Charles Scicluna.

Post: Blog2_Post
bottom of page