554c78e0c9cf913843bd6fd307d368e0.jpg

L-ISKRITTURA

Kitba ta' P. Joseph Ellul

Id-djalogu kontinwu ma’ Kristu kien jissokta jissaħħaħ bil-Kelma ta’ Alla, l-aktar permezz tal-Evanġelju skont San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl. Kien iġorrhom il-ħin kollu miegħu u kien jafhom bl-amment, mhux biex jirrepeti kelma b’kelma dak li hemm fihom, imma biex jagħraf aktar il-preżenza ta’ Alla. Mhux ta’ b’xejn li l-Beatu Anġeliku, fil-kwadru ta’ Kristu Mżeblaħ, iqiegħed lil San Duminku bilqiegħda jikkontempla l-ktieb miftuħ tal-Iskrittura li għandu fuq ħoġru. U l-eżeġeta magħruf fr. Marie-Joseph Lagrange kien iqis l-École Biblique li hu nnifsu waqqaf bħala ċentru ta’ studju tal-Iskrittura proprju għax kienet ukoll dar ta’ talb. Għalih kienet teżisti armonija perfetta fiċ-ċaqliq mill-kamra għall-kor. Kien jitpaxxa jisma’ l-Evanġelju kantat mid-djaknu wara li jinċensa l-ktieb. Kien jgħid li b’dan il-mod il-kliem imħabbar minn fuq l-ambone kien jinfidlu ruħu hekk kif kien jerġa’ jiltaqa’ magħhom f’artiklu xjentifiku.[1]

Għal din ir-raġuni fi żmien San Duminku l-Iskrittura kienet tissejjaħ Sacra Pagina, il-paġna l-qaddisa. Fiha kien jagħraf “x’inhu l-wisa’ u t-tul, l-għoli u l-fond [tal-misteru ta’] l-imħabba ta’ Kristu”, bħalma nsibu miktub fl-Ittra lill-Efesin.[2] Fi kliem Fra Bonaventura ta’ Verona, dan il-Qaddis “kien dejjem jixtieq jiddiskuti, jitħaddet jew jaqra dwar Alla, jew jitlob waqt li qiegħed jivvjaġġa.”[3]

Il-familjarità tiegħu mal-Evanġelju kienet iġġagħlu jissieħeb ma’ dawk kollha li kienu jissemmew fih. Minħabba f’hekk il-Beatu Ġordan kien bir-raġun kollu jsejjaħlu “bniedem evanġeliku”.[4] Diġà meta kien għadu sottopirjol tal-kapitlu tal-kanonċi f’Osma kien jara f’din il-komunità mera tal-komunità tal-Appostli miġbura madwar Ġesù l-Imgħallem tagħha.

Huwa ried li l-Aħwa Predikaturi, bħall-Appostli qabilhom, jingħataw “għat-talb u għall-ministeru tal-Kelma.”[5] Permezz ta’ dawn iż-żewġ elementi huma kellhom jinterċedu għad-dinja.

 

 

[1] Ara Bernard Montagnes, Le Père Lagrange, Les Éditions du Cerf, Paris 1995, p. 57.

[2] Ef 3:18b.

[3] Xhieda ta’ Fra Bonaventura ta’ Verona, Proċess tal-Kanonizzazzjoni f’Bologna, n. 3.

[4] Beatu Ġordan ta’ Sassonja op. cit., n. 104.

[5] Atti 6:4.