KRISTU MSALLAB
Kitba ta' P. Joseph Ellul
Iċ-ċentru tat-talb ta' San Duminku kien ukoll iċ-ċentru tal-predikazzjoni tiegħu: Kristu Msallab.
San Duminku, quddiem l-altar jew fil-kapitlu, kien idawwar għajnejh lejn l-imsallab u jwaħħal ħarstu fih, u jinżel bosta drabi għarkopptejh quddiemu. Xi drabi, minn wara l-Kompieta sa nifsillejl, kien daqqa joqgħod wieqaf u daqqa jinxteħet għarkopptejh, bħal Ġakbu l-appostlu, jew bħall-imġiddem tal-Evanġelju li nxteħet quddiem Kristu u qallu: Mulej, jekk trid, tista’ tfejjaqni, jew bħal Stiefnu li niżel għarkopptejh u għajjat b’leħen għoli: Mulej tgħoddhulhomx dan id-dnub.[1]
Mhux ta’ b’xejn li fl-ikonografija Dumnikana San Duminku jinsab il-ħin kollu f’atteġġament ta’ qima quddiem jew f’riġlejn Kristu Msallab. Il-Beatu Anġeliku pinġa fl-affresk majestuż li jżejjen il-kjostru tal-kunvent ta’ San Mark f’Firenze lil San Duminku għarkopptejh f’riġlejn is-salib, idejh imqabbdin mal-għuda mċappsa bid-demm iċarċar tal-Imsallab, filwaqt li għajnejh iħarsu ’l fuq jiltaqgħu ma’ dawk ta’ Kristu. Il-ħarsa ta’ Ġesù hi waħda ta’ paċi, ta’ wieħed li qiegħed imut mewta hienja, filwaqt li l-wiċċ tal-Qaddis huwa ta’ wieħed mimli niket u wġigħ huwa u qiegħed jieħu fuqu t-tbatija tal-Feddej. Ifakkarna f’dawk il-kelmiet sbieħ ta’ San Pawl lill-Galatin:
“Issallabt ma’ Kristu. Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu.”[1]
Għal San Duminku Kristu Msallab kien l-akbar, l-isbaħ, u l-egħżeż wirt.
L-istess nistgħu ngħidu dwar dak il-manuskritt li jitħaddet dwar id-disa’ modi ta’ talb ta’ San Duminku. Il-Qaddis hu dejjem muri quddiem Kristu Msallab jagħmel ġesti ta’ umiltà (inkin mill-qadd ’l isfel, mixħut għal tulu fl-art, jagħmel iċ-ċilizzju, ġenuflessjoni), ġesti ta’ supplika (jiftaħ idejh, jiftaħ dirgħajh, jgħolli jdejh ’il fuq), u ġesti ta’ skiet (qari u meditazzjoni, talb u r-radd tas-salib waqt vjaġġ).
Id-djalogu ta’ San Duminku ma’ Ġesù tul il-lejl kellu bħala għan tiegħu s-salvazzjoni ta’ dawk kollha li għalihom is-Salvatur tagħna miet fuq is-salib: ħutu fl-Ordni, il-kleru, il-lajċi, il-Lhud, il-Musulmani, il-pagani, dawk kollha li tbiegħdu mit-triq tas-sewwa. Dawn kollha kienu l-oġġett tal-attenzjoni tiegħu fit-talb. Ta’ sikwit l-Aħwa kienu jisimgħuh jitniehed fit-talb huwa u jgħid: “Mulej, ikollok ħniena mill-poplu tiegħek. X’sa jsir minnhom il-midinbin?”[2]
Il-qima u l-meditazzjoni fuq Kristu Msallab hija tema ewlenija fix-xogħlijiet spiritwali tal-mistiċi dumnikani. Santa Katarina ta’ Siena tara lil Kristu Msallab bħallikieku kien pont li li fuqu l-bniedem jaqsam sabiex jasal għal għand Alla l-Missier.[3] Din it-tixbiha hija mnebbħa mill-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Ġwann: “meta nintrefa’ ’l fuq mill-art, jiena niġbed il-bnedmin kollha lejja.”[4] Fid-Djalogu Alla l-Missier jistqarr lil Katarina:
It-tjieba tiegħi rat li intom ma stajtux tinġibdu lejh mod ieħor, għalhekk bgħattu biex jintrefa’ fl-għoli fuq l-għuda tas-salib. Jien is-salib għamiltu inkwina biex fuqha jinħadem l-Iben imnissel mill-bniedem u hekk jeqridlu l-mewt u jġeddu għall-ħajja tal-grazzja.[5]
Hija tagħmel meditazzjoni mill-isbaħ fejn tħares lejn riġlejn, qalb, u fomm l-Imsallab. Ir-riġlejn ifissru l-imħabba għax, bħalma r-riġlejn iżommu fuqhom il-ġisem, hekk ukoll l-imħabba terfa’ fuqha r-ruħ. Riġlejn Kristu msallab huma bħal għerq ta’ siġra u ankra ta’ kenn għal min jibda t-triq tal-ħajja spiritwali. Il-qalb li turi l-imħabba divina li ma tistax titfisser bil-kliem. Il-qalb minfuda ta’ Ġesù hija moħbija u tħabbat bil-ħajja. Hija tmantni u żżomm il-ħajja tal-ispirtu. Fomm Kristu Msallab ifisser is-sliem li ssib ir-ruħ wara li tkun għaddiet minn taqbida kbira minħabba fi dnubietha.
[1] Gal 2:19b-20.
[2] Xhieda tal-Abbati Guliermu Peyre, Proċess tal-Kanonizzazzjoni f’Toloża, n. 18.
[3] Ara Djalogu, kapitli 26-28.
[4] Ġw 12:32.
[5] Djalogu, kapitlu 26.