TALBA KRISTOĊENTRIKA
Kitba ta' P. Alan Joseph Adami
“Intom ilkoll maħbuba ta’ Kristu u tal-glorjuża Verġni Marija, ħudu dan is-salterju, li skond Sant’Ambroġ, fih żewġ slaten fost it-talbiet kollha, jiġifieri, l-Missierna u s-Sliema. Dawn iż-żewġ talbiet huma żewġ Vanġeli mill-aktar komuni u denji, li jixirqilhom ikunu priedkati.”[1]
B’dawn huma l-kelmiet tal-Beatu Dumnikan, propagatur mill-akbar tar-Rużarju Mqaddes, Alan de Rupe, niftħu din ir-riflessjoni tagħna fuq it-talba tar-Rużarju Mqaddes, għaliex huma jorbtu flimkien l-essenza tar-rużarju u n-natura tiegħu. Huwa fuq dan l-obbligu li l-Ordni li jiena nħaddan, jiġifieri l-Ordni Dumnikan, ħass sa min-nieqa tiegħu.
Jekk inħarsu lejn il-ħajja tan-nisrani, u nistaqsu x’inhija l-vokazzjoni ewlenija tiegħu, dlonk tiġina f’moħħna s-sejħa Universali, li l-Konċilju Vatikan II tant saħaq fuqha fil-Kostituzzjoni Dommatika, Lumen Gentium, li permezz tagħha fakkar lil kull mgħammed dwar is-sejħa tiegħu għall-qdusija. Il-qdusija m’hija xejn ħlief il-kmand ta’ Kristu fl-evanġelju skond San Mattew, li nkunu perfetti bħalma huwa perfett Missierna fis-smewwiet (cf. Mt. 5:48). Iżda jekk din il-perfezzjoni kellna nippreżentawha b’mod aktar tanġibbli, jkollna nistqarru minnufih, li l-perfezzjoni m’hija xejn ħlief ix-xebh perfett ma’ Kristu. F’dan tikkonsisti l-qdusija. Mhux ta’ b’xejn mela li l-Appostlu Missierna San Pawl jista’ jgħid, “Ixbhu lili bħalma jien nixbah lil Kristu” (1Kor:11:1).
U jekk l-Appostlu Pawlu seta’ jgħid dan minħabba x-xebh perfett li huwa kiseb ma’ Kristu matul ħajtu, kemm aktar allura dan il-kliem tista’ tgħidu l-Verġni Mbierka, hija li fi kliem Sant’Anselmu hija “Mara, mimlija u mfawwra bil-grazzja…” li “mill-abbundanza tagħha l-ħolqien kollu jirċievi ħajja ġdida.” U jkompli jgħidilha, “Verġni, imbierka fuq il-ħlejjaq kollha, permezz tiegħek il-ħolqien kollu kien imbierek, mhux biss il-ħolqien mill-Ħallieq, imma l-Ħallieq innifsu kien imbierek mill-ħolqien.”[2]
Ir-Rużarju huwa appuntu mod, kif il-bniedem f'għaqda mal-Verġni Mbierka jbierek il-Ħallieq filwaqt li jitbierek mill-Ħallieq. Fil-verità, hemm żewġ manjieri jew strument prinċipali li permezz tagħhom il-ħolqien jitbierek. It-tnejn ħerġin minn Marija u għandhom xebh magħha. L-ewwel strument huwa l-ġisem uman ta’ Kristu, illi permezz tiegħu Alla salva lill-bniedem. Dan il-ġisem uman ħiereġ mill-ġuf ta’ Marija u li għalhekk naturalment għandu xebh mal-Verġni Mbierka, bħalma tarbija jkollha xebh mal-ġenituri tagħha. It-tieni strument huwa r-rużarju li bħall-ġisem uman ta’ Kristu huwa strument ħiereġ mill-ħajja kontemplattiva tal-Verġni Mbierka, u li jikseb xebh mal-Verġni Mbierka.
U x’xebh nikbsu mal-Verġni Mbierka permezz tar-rużarju Mqaddes? L-ewwel xebh huwa fil-ħajja kontemplattiva, jiġifieri dik il-ħajja li tikkontempla lil Alla fil-wiċċ Imqaddes ta’ Sidna Ġesù Kristu. It-tieni xebh huwa fil-ħajja attiva, dik il-ħajja li permezz tagħha Alla jitwassal għand dawk li jikkontemplawh. Fuq dan ser nirriflettu fil-jumejn li ġejjin, illum qabel xejn sejrin nirriflettu fuq l-għajn li tiftħilna l-bibien tas-Salvazzjoni, jiġifieri l-persuna ta’ Ġesù Kristu, għaliex kif jikteb San Euchariu ta’ Lyon, “jekk tixtieq tifhem lill-Omm, jeħtieġ tifhem lill-Iben; għax hija denja li tkun Omm Alla.” Fi kliem ieħor jekk irridu ngħarfu l-kobor tal-Verġni Mbierka jeħtieġ nifhmu l-ewwel il-kobor u d-dinjità tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu, ġaladarba hija kienet mgħollija fil-ġieħ biex tkun tixraq lilu. U l-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-Ittra Apostolika Rosarium Viriginis Mariae, jikteb, “ir-Rużarju, għalkemm ta’ xejra ċara Marjana, fil-qalba tiegħu huwa talba Kristoċentrika.”[3] Dan il-paradoss jeħodna sewwa sew fil-qalba tat-teoloġija Marjana, fejn dak kollu li jingħad dwar il-Verġni Mbierka, huwa mmarkat biex iwassal għand binha Sidna Ġesù Kristu.
Meta d-Duttur Anġeliku San Tumas t’Akwinu, imur jistaqsi għaliex Alla kien jeħtieġlu li jsir bniedem, fil-opera magna tiegħu Summa Contra Gentiles, huwa jikteb, incarnatio Dei efficacissimum fuit auxilium homini ad beatitudinem tendenti.[4] “L-inkarnazzjoni ta’ Alla kienet l-aktar għajnuna effikaċi għall-bniedem fil-ħerqa tiegħu għall-qdusija.” Għeżież devoti tal-Madonna tar-Rużarju, id-Duttur Dumnikan imur ipoġġi fiċ-ċentru tal-inkarnazzjoni l-ħerqa tal-bniedem għall-qdusija. Kif jikteb wieħed mill-Missirijiet tal-Knisja San Klement ta’ Alessandrija, “Alla sar bniedem, biex il-bniedem jitgħallem minn bniedem kif isir alla.”[5]
Il-qdusija tal-bniedem ma tikkonsisti f’xejn ħlief li wieħed jara l-wiċċ ta’ Alla, kif jikteb San Ġwann fl-Ewwel Ittra tiegħu, “Madankollu nafu li meta jidher hu, aħna nkunu bħalu, għax narawh kif inhu” (1Ġw:3:2). U San Pawl ukoll jikteb fl-ittra lir-Rumani, “Bħalissa naraw bħallikieku f'mera, mċajpar, imma mbagħad naraw wiċċ imbwiċċ. Issa nagħraf biċċa, imbagħad nagħraf bħalma jien magħruf issa” (1Kor 13:12). M’hemmx dubju illi l-fidi nisranija tgħallem li x-xewqat kollha tal-bniedem isibu l-milja tagħhom fil-Viżjoni Beatifika, f’dik il-Viżjoni meta naraw lil Alla kif inhu. Għaldaqstant, ix-xewqa ta’ kull bniedem għanda tkun bħal dik tar-raġel għami li meta Kristu jistaqsih, “x’tixtieqni ngħamillek” huwa jwieġeb, “Li nerġa’ nara Rabbuni” (cf. Mk 10:51).
U sabiex din ix-xewqa li naraw lil Alla wiċċ imb’wiċċ tkun imkebbsa fil-qalb tal-bniedem, Alla fil-ħniena tiegħu, bħallikieku dewwaqna minn issa b’viżjoni senssibli, materjali, umana, meta juri wiċċu lilna, jitħadded direttament magħna, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, veru Alla u veru bniedem. Elfejn sena ilu, dawk kollha li ltaqgħu ma’ Kristu, diġà daqu l-ħlewwa tal-Viżjoni Beatifika li aħna nistennew li jkollna wara mewtna.
Iżda jekk il-Lhud ikkontemplaw il-wiċċ ta’ Kristu b’għajnejhom, aħna nikkontemplawh bil-kuruna tar-rużarju. Jekk il-Lhud daqu l-ħlewwa tal-wiċċ ta’ Kristu permezz tas-sensi tagħhom, aħna nduqu din l-istess ħlewwa mill-għajnejn tal-Verġni Mbierka. Għalhekk il-ġisem Uman ta’ Kristu u r-Rużarju Mqaddes huma t-tnejn mezzi materjali ta’ salvazzjoni ħerġin mill-Verġni Mbierka. Il-ġisem uman ta’ Kristu, li jgħaqqadna ma’ Alla minn fuq is-salib, ħiereġ mill-ġuf tal-Verġni Mbierka; il-kuruna tar-Rużarju, li kif issejħilha l-Beatu Bartolo Longo fis-Supplika lill-Madonna ta’ Pompei jikteb, “il-katina ħelwa li tgħaqqadna ma’ Alla,” ħierġa mill-kontemplazzjoni tal-Verġni Mbierka. Jekk il-ġisem uman ta’ Kristu jiksbilna xebh mal-Verġni Mbierka fil-ħajja mingħajr dnub, ir-rużarju jiksbilna xebh mal-Verġni Mbierka fil-ħajja tagħha tal-kontemplazjoni.
Bħal Verġni Mbierka, li bħala omm tħares lejn wiċċ binha f’dahra u tħammem fuq il-ġrajjiet ta’ ħajtu, hekk ukoll aħna fir-Rużarju nerġgħu nħarsu fuq il-wiċċ ta’ Kristu, u niftakru fil-ħajja tiegħu meta nħabbruhom qabel kull posta. Iżda fir-Rużarju ma nagħmlux sempliċiment tfakkira nostalġika, iżda huwa t-tfakkir tal-għemejjel ta’ Alla fil-passat u t-talba biex Alla jerġa’ jwettaq dak li għamel darba fl-istorja, illum fil-ġrajja tagħna preżenti. Dan it-tfakkir huwa fis-sens Lhudi, zakkar jew bil-Grieg ἀνάμνησις, għaliex aħna nitolbu biex bl-interċessjoni tal-Verġni Mbierka, terġa’ titwettaq mill-ġdid is-salvazzjoni “issa u fis-siegħa tal-mewt tagħna.”
Għalhekk ħuti, jekk mill-ġuf Verġni Mbierka ħadna l-ġisem ta’ Kristu, is-Sagrament per eċċellenza mnejn is-sagramenti l-oħra kollha joħorġu, mill-ħajja kontemplattiva tal-Verġni Mbierka ħadna r-Rużarju li jerġa’ jdawwrilna ħsibijietna, u l-ħarsa tagħna lejn il-wiċċ ta’ Kristu.
Kemm kellu raġun allura, il-Papa Ġwanni Pawlu II meta jsejjaħ lir-rużarju bħala “talba Kristoċentrika,” talba li ddur kollha kemm hi madwar Kristu. X’hemm f’Marija li m’huwiex Kristoċentriku, x’hemm f’Marija li ma jwassalniex għand Alla? Din il-katina ħelwa ta’ Alla hija, biex ngħidu hekk, parti oħra mill-ħolqa tal-ħwejjeġ materjali li jwassluna għand Alla.
[1] Kif jidher f’ Luigi Gambero, Mary in the Middle Ages (trans. Thomas Buffer; San Francisco: Ignatius Press), 318.
[2] Anselm, Discourse 52.
[3] Ġwanni Pawlu II, Rosarium Virginis Mariae (it-2 edizzjoni; trad. P. Alfred Previ O.P.; Malta: Publikazzjonijiet Dumnikani, 2011), 1.
[4] SCG IV, 54.2.
[5] Clement of Alexandria, Exhortation to the Greeks, 1.