IL-PREDIKAZZJONI
Kitba ta' P. Joseph Ellul
Aħseb fil-ministeru li ħadt mill-Mulej, biex tagħmlu sewwa (Kol 4:17)
Din is-silta mill-Ittra ta’ San Pawl lill-Kolossin insibuha fid-Daħla għat-Trattat dwar il-Predikazzjoni ta’ Umbertu ta’ Romans (+1277), il-ħames Majjistru tal-Ordni.[1] Il-grazzja tal-predikazzjoni hija don u hija sejħa li jgħixu dawk kollha li l-Ispirtu ta’ Alla jitkellem fihom u permezz tagħhom. Dawk li dwarhom Ġesù jistqarr: “Mhux intom tkunu li titkellmu, imma l-Ispirtu ta’ Missierkom li jkun qiegħed jitkellem permezz tagħkom.”[2] Għalhekk mhijiex kwestjoni ta’ ħila biex tqiegħed il-kelma, imma li xxandarha bl-awtorità mogħtija lilek mill-Ispirtu ta’ Alla.
Waħda mill-egħżeż antifoni li għandna fit-tradizzjoni Dumnikana issejjaħ lil San Duminku: Xandar tal-Grazzja. Tabilħaqq il-Papa Onorju III (+1227), f’waħda mill-ħafna ittri li kiteb lil San Duminku u lil ħutu r-reliġjużi, fisser l-għan tal-Ordni b’dawn il-kelmiet:
Dak li dejjem ikabbar il-Knisja tiegħu b’ulied ġodda, billi ried jaġġorna ż-żminijiet tal-lum ma’ dawk tal-imgħoddi, u fl-istess ħin ikompli jxandar il-fidi Kattolika, qanqal fikom l-imħabba qaddisa biex, filwaqt li tħaddnu l-faqar u l-ħajja regulari, tkunu tistgħu tingħataw għall-predikazzjoni, billi tmorru xxandru mad-dinja kollha l-isem tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu.[3]
Diġà kmieni fil-ħidma appostolika tiegħu, fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet li kien għamel il-Papa Innoċenz III (+1216) f’Novembru 1206, il-predikazzjoni ta’ San Duminku kienet essenzjalment predikazzjoni “bl-eżempju ta’ ħajja mdawla bid-duttrina”. Din kienet tfisser li tipprietka u tgħix is-salib ta’ Kristu. Bħal kull teologu ta’ żmienu mrawwem fit-tagħlim ta’ Santu Wistin,[4] il-messaġġ ta’ San Duminku lill-Albiġiżi kien l-istess bħat-tweġiba li ta dan id-Duttur tal-Knisja lid-dixxipli ta’ Pelaġju[5]: “Intom qegħdin iġġibu fix-xejn is-salib ta’ Kristu.” Huwa, flimkien ma’ sħabu li ġabar madwaru, kien jipprietka l-Kelma, “lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab”.[6] Kienet qabel kollox predikazzjoni tal-Fidi li kien jaqsamha ma’ dawk kollha li magħhom kien jiltaqa’. Dwar dan il-Beatu Ġordan ta’ Sassonja jistqarr:
Ikun ma’ min ikun, sew ma’ sħabu fit-triq, sew ma’ min jilqgħu f’daru u l-familja tiegħu, sew fost kbarat u prinċpijiet u prelati, għal kulħadd kellu kliem ta’ ġid u kotra ta’ eżempji tajba li bihom kien irattab il-qalb ta’ dawk li jisimgħuh u jiġbidhom għall-imħabba ta’ Kristu u għat-tmaqdir tad-dinja. Bil-kliem u l-għemil tiegħu wera ruħu kullimkien bħala bniedem evanġeliku.[7]
Imma l-predikazzjoni ta’ San Duminku ma kinitx biss kliem ta’ tħeġġiġ għall-penitenza jew għall-konverżjoni jew għal ħajja aktar devota. Kienu jeżistu diġà movimenti għal dan il-għan. Huwa ried li l-predikazzjoni tkun tabilħaqq xandir tal-Kelma ta’ Alla ġejja minn imħabba kbira u qawwija għall-Kotba Mqaddsa. Huwa ried iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-Knisja li tagħti formazzjoni duttrinali u morali lill-kleru u lil-lajċi.
Morru ppritkaw
Il-predikazzjoni hija l-identità u l-uffiċċju tal-Ordni li waqqaf San Duminku. Hemm tradizzjoni ta’ min jorbot fuqha dwar il-formulazzjoni tal-bolla Gratiarum omnium largitori maħruġa mill-Papa Onorju III nhar il-21 ta’ Jannar 1217 u li biha kkonferma l-predikazzjoni bħala l-għan tal-Ordni. Din il-bolla tibda bit-tislima: “Onorju, isqof, qaddej tal-qaddejja t’Alla, lill-għeżież uliedna, il-Pirjol u l-Aħwa ta’ San Romanu,[8] predikaturi fid-distrett ta’ Toloża, sliem u barka appostolika.” Jingħad li oriġinarjament il-Papa indirizza lill-Aħwa bil-kelma praedicantis (lil dawk li jippritkaw fid-distrett ta’ Toloża). In-nutar, li kien qiegħed jabbozza d-dokument ħassar din il-kelma u minflokha daħħal l-kelma praedicatoribus (lill-predikaturi fid-distrett ta’ Toloża). Meta Onorju staqsieh il-għala kien għamel din il-bidla, in-nutar jingħad li wieġbu li praedicantibus kien biss aġġettiv (u għalhekk jikkunsidra biss ċirkustanzi lokali u li jgħaddu), filwaqt li praedicatoribus huwa sostantiv li joħroġ fid-deher kemm l-isem kif ukoll il-ħidma. Fid-dawl ta’ din it-tweġiba l-Papa approva l-bidla. Il-korrezzjoni tidher ċara fid-dokument oriġinali. Din il-konferma tal-isem u tal-ħidma tal-Ordni kienet twettaq mhux biss il-ħsieb imma wkoll id-determinazzjoni ta’ San Duminku li jara f’dan kollu l-id tal-provvidenza ta’ Alla. Kien għalhekk li l-qaddis kien lest imur lil hinn minn dak li kienet tiddetta l-prudenza umana.
Kien donnu tal-għaġeb kif il-qaddej ta’ Alla l-Majjistru Duminku, hu u jibgħat lir-reliġjużi ’l hawn u ’l hinn f’ħafna bnadi fil-Knisja ta’ Alla… kien jagħmel kollox bil-fiduċja u bla ma juri ebda tħassib, minkejja li l-oħrajn dehrilhom li dan ma kienx imissu jagħmlu. Kien jagħmel kollox qisu diġà ċert mill-ġejjieni, jew bħallikieku l-Ispirtu kien inebbħu u jurih kollox.[9]
Dan jissokta jitwettaq bix-xhieda ta’ Fra Ġwann ta’ Spanja fl-Atti tal-Proċess tal-Kanonizzazzjoni ta’ San Duminku li sar f’Bolonja, li stqarr:
Mimli b’fiduċja fl-għajnuna ta’ Alla, kien jibgħat jippritkaw ukoll dawk li mhumiex imħarrġa, (filwaqt li jserrħilhom moħħhom) bil-kliem “Morru bis-sliem, għax il-Mulej jagħtikom kliem x’tgħidu u jkun magħkom u ma jkun jonqoskom xejn.” U dawk kienu jmorru u kien iseħħ bħalma kien ħabbar.[10]
Umbertu ta’ Romans fit-Trattat tiegħu dwar il-Predikazzjoni, jistqarr li mhijiex ħaġa faċli tipprietka. Kien jaf li kien hemm min saħansitra qed iżomm lura u għal dan iġib bosta raġunijiet; fost dawn hemm tlieta li jidhru bħala ewlenin:
-
Hemm uħud li jaħsbu li mhumiex imħejjija biżżejjed. Dwar dan huwa jwieġeb li x-xandir tal-Bxara t-Tajba huwa sejħa urġenti; mhemmx ħin x’wieħed jaħli.
-
Hemm ukoll min iġib l-iskuża li jħobb is-skiet u l-kontemplazzjoni. Għal dan iwieġeb li min iżomm lura minħabba f’hekk jistħoqqlu jkun imċanfar għax seta’ wettaq ħafna ġid u minflok għażel li jiskot.
-
Hemm imbagħad min jibża’ li jkun espost għad-dnub. Huwa fatt li aktar ma tidħol fil-ħajja pubblika, aktar hemm il-periklu li tidneb. Fuq dan il-punt huwa jwieġeb li aħjar taħdem u titħammeġ minħabba x-xogħol li tkun qiegħed tagħmel milli tibqa’ f’darek nadif pupilla ma tagħmel xejn. Imbagħad iżid jgħid: Lil min huwa mixgħul bil-ħeġġa li jipprietka Alla ma jżommx lura l-ħniena tiegħu.[11]
Il-predikatur, bħall-profeti, minn dejjem kien, għadu u jibqa’ bniedem skomdu. Huwa skomdu għalih innifsu u skomdu għal ħaddieħor.
Huwa skomdu għalih innifsu għaliex jaf li huwa qiegħed jitħaddet f’isem Alla li huwa l-Qaddis, filwaqt li hu dejjem jibqa’ bniedem dgħajjef u midneb. Din kienet l-osservazzjoni li għamel il-Profeta Isaija huwa u jikkontempla l-glorja ta’ Alla: “Jaħasra għalija! Mitluf jien! Bniedem b’xufftejn imniġġsa jien!”[12]
It-tweġiba hi li l-qawwa tal-kelma ta’ min ixandar tinsab fil-qawwa ta’ Alla; il-kuraġġ ta’ kliemu huwa l-milja ta’ Alla fih. Il-grazzja ta’ Alla hija l-qofol ta’ kull storja ta’ vokazzjoni. Minħabba f’hekk San Pawl jiftaħar mal-Korintin u jistqarr: “Bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn.”[13] U jissokta jfaħħar lit-Tessalonkin talli laqgħu l-Kelma “mhux bħala kelma ta’ bniedem, iżda bħala kelma ta’ Alla kif tassew hi.”[14]
L-istess Beatu Umbertu ta’ Romans sikwit jisħaq fuq il fatt li jekk tieqaf il-predikazzjoni l-bnedmin ma jibqgħux jagħmlu frott tajjeb u għalhekk, jekk tieqaf il-predikazzjoni, d-dnub jiżdied jista’ u mhux jonqos.[15]
Imma l-predikatur huwa wkoll bniedem skomdu għal dawk li jisimgħuh. Fi kliem San Pawl huwa mibgħut biex jinsisti f’waqtu u barra minn waqtu, iċanfar, iwiddeb, iwissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim.[16] Ħadd ma jieħu gost iħabbat wiċċu mal-verità dwaru nnifsu u dwar l-imġiba tiegħu. Il-prezz huwa għoli, imma huwa l-istess prezz li ħallsu dawk kollha li laqgħu s-sejħa ta’ Alla. Għandna eżempji bħal Għamos, Ġeremija, Ġwanni l-Battista u xejn anqas minn Ġesù Kristu nnifsu. Dawn kollha kienu miċħuda minħabba l-missjoni li ħadu fuqhom. Huwa prezz li għadu jitħallas sal-lum minn dawk kollha li jistqarru fil-miftuħ u b’ħajjithom il-fedeltà tagħhom lejn l-Evanġelju.
Fil-qalba tal-Knisja
San Duminku dejjem ħares lejn il-grazzja tal-predikazzjoni li ngħatatlu bħala grazzja fi ħdan il-Knisja biex iħaddimha għall-bini u t-tkabbir tagħha. Huwa għamel tiegħu t-twissija ta’ San Pawl lill-Korintin meta kitbilhom: “Ladarba intom imxennqin għad-doni spiritwali fittxu li timtlew sewwa bihom, imma dejjem għall-bini tal-Knisja.”[17] Lil San Duminku aħna ta’ kuljum insellmulu bħala Lumen Ecclesiae, mhux Lumen Ordinis. Huwa fehem il-ħtieġa li jiddi bħala dawl fil-Knisja biex hija tkun tista’ ddawwal id-dinja.
Huwa għaraf x’kienu l-ħtiġijiet tal-Knisja fi żmienu u l-ħeġġa tal-Papiet biex iqajmu mill-ġdid il-ħajja Nisranija. Dawn il-ħtiġijiet għamilhom tiegħu. Fuq hekk huwa kien igawdi l-fiduċja kemm tal-Papa Innoċenz III kif ukoll tas-suċċessur tiegħu il-Papa Onorju III.
F’wieħed mir-rakkonti dwar ħajtu, u li baqa’ jdawwal u jħeġġeġ ’l uliedu sal-lum, insibu miktub li waqt il-mawra tiegħu f’Ruma fl-1215 hu u jerfa’ t-talb tiegħu lejn Alla fil-bażilika ta’ San Pietru għall-ħarsien tal-Ordni li kien għadu kemm waqqaf, jingħad li kellu dehra li fiha ra lill-Appostli San Pietru u San Pawl. San Pietru newwillu l-ħatar (simbolu tal-mixi tiegħu tul l-Ewropa jipprietka) filwaqt li San Pawl newwillu ktieb (simbolu tal-Evanġelju), u t-tnejn flimkien qalulu; “Mur u pprietka, għax Alla għażlek għal dan il-ministeru.” F’dak l-istess waqt deherlu li qiegħed jara lil ħutu mxerrdin mad-dinja kollha, mexjin tnejn tnejn biex jippritkaw lill-poplu ta’ Alla.[18]
Kien iż-żmien li fih kien qiegħed jitlaqqa’ l-Konċilju Lateran IV u San Duminku seta’ jara mexxejja tad-djoċesijiet mill-Ewropa tal-Lvant u minn dik tal-Punent kif ukoll mil-Lvant Nofsani jinġabru flimkien biex jitħaddtu dwar ir-riforma li kienet teħtieġ il-Knisja biex tkun xhieda tassew tal-missjoni afdata lilha minn Kristu.
Il-Papa Innoċenz III, li laqqa’ dan il-Konċilju, kien ħeġġeġ lil San Duminku biex flimkien miegħu jaqsam dak li San Pawl sejjaħlu “il-ħsieb tal-knejjes kollha”.[19] Meta mbagħad il-Papa Onorju III kkonferma l-Ordni tal-Aħwa Predikaturi huwa ta bidu għat-tħaddim ta’ dan il-proġett tiegħu.
F’dawn iż-żewġ mexxejja huwa ra bnedmin li kienu jieħdu l-uffiċċju tagħhom ta’ rgħajja bl-akbar serjetà. Kienu jħarsu lejn l-awtorità li kellhom bħala servizz, bħalma jwissi San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu: “mhux billi taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b’xortikom, imma billi tkunu ta’ eżempju għall-merħla.”[20]
Il-pożizzjoni li San Duminku kien jokkupa fi ħdan l-Ordni, kien jokkupaha fi ħdan il-Knisja u permezz tal-Knisja. Huwa ma kienx jaħdem għal rasu. Kien saċerdot b’livell akkademiku għoli ħafna. Ma ninsewx li f’dawk iż-żminijiet ma kinux jeżistu seminarji. Bħalma rajna diġà, ma kienx jeħtieġ min isuqu biex jistudja l-Kelma ta’ Alla u l-veritajiet tal-fidi li joħorġu minnha. Kemm-il darba ta prova tas-saħħa tad-duttrina li kien ixandar kif ukoll tal-qawwa tiegħu biex jikkonvinċi lil min kien qiegħed jisimgħu.
Bħala saċerdot u bniedem tal-Knisja huwa kien jaf x’inhuma r-responsabbiltajiet tiegħu u kien iwettaqhom bl-akbar serjetà.
Fl-istess waqt, bħalma diġà rajna, huwa għaraf iħaddem il-grazzja li ngħatatlu għall-qdusija u għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. It-talba tiegħu biex l-Ordni tiegħu jitwaqqaf bħala Ordni tal-Predikaturi kien mument ta’ grazzja għall-Knisja.
Huwa għalhekk li l-uffiċċju tal-predikazzjoni ngħata lill-Ordni mill-ogħla awtorità tal-Knisja u taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dan għaliex San Duminku ma riedx li jipprietka minn wara dahar ir-rgħajja tal-Knisja. Huwa ried li l-approvazzjoni u l-konferma tal-Ordni li waqqaf ikunu sinjal ċar tal-missjoni afdata f’idejh. Ried juri li l-ħidma tiegħu kienet timxi id f’id mat-tradizzjoni Nisranija li tmur lura għal żmien l-Appostli.
Min-naħa l-oħra l-Knisja, permezz tal-Papa, għarfet dan l-att ta’ ubbidjenza tiegħu u afdatlu f’idejh il-ministeru tal-predikazzjoni. Minn din ir-rabta qawwija mal-ġerarkija tal-Knisja San Duminku seta’ wkoll igawdi mill-esperjenza ta’ bnedmin imħarrġa fix-xjenzi ekkleżjastiċi li għarfu li dan kien tabilħaqq Duminku, jiġifieri, bniedem ta’ Alla, u mibgħut minn Alla, u li d-don li ngħatalu kien jidħol perfettament fil-qafas tal-missjoni tal-Knisja.
San Duminku ma riedx li l-predikazzjoni tkun xi ħaġa miżjuda u barranija għall-ħajja tal-Knisja. Ried li jkollha l-għeruq tagħha fil-liturġija u fil-ħajja sagramentali. Għalhekk huwa rabat il-predikazzjoni mas-sagrament tal-Penitenza, li jeħles lill-bniedem minn dnubietu, kif ukoll mas-sagrament tal-Ewkaristija li jġib l-għaqda ma’ Kristu u mal-Knisja. Jekk inhu minnu li l-Ewkaristija tagħmel il-Knisja u l-Knisja tagħmel l-Ewkaristija, huwa daqstant minnu li l-Predikazzjoni tagħmel il-Knisja u l-Knisja tagħmel il-Predikazzjoni.
F’diskors li kien għamel lill-Aħwa miġbura għall-Kapitlu Ġenerali Elettiv li kien sar Ruma fl-1983 il-Papa Ġwanni Pawlu II stqarr fost ħwejjeġ oħra:
Intom id-Dumnikani għandkom il-missjoni li xxandru li Alla huwa ħaj, li huwa Alla tal-ħajja, li f’Alla jinsab l-għerq tad-dinjità u tat-tama tal-ġens uman li hu msejjaħ għall-ħajja… Il-Kostituzzjonijiet tagħkom jagħtu post ewlieni lill-ministeru tal-Kelma sew jekk bil-fomm u sew jekk bil-kitba, u r-rabta bejn il-ministeru tal-Kelma u dak tas-sagramenti hu l-qofol tagħha.[21]
Minħabba f’hekk l-Ordni tagħna huwa min-natura u fl-essenza tiegħu ordni klerikali.[22] Ta’ min iżid hawnhekk l-Papa Girgor IX sejjaħ lid-Dumnikani biex jagħtu sehemhom bħala inkwiżituri, mhux għax kellhom formazzjoni għal dan ix-xogħol, imma għax kienu konfessuri mill-aqwa. Kienu jafu x’għandhom jistaqsu u kif jistaqsuh u kienu jafu wkoll jisiltu l-konklużjonijiet mit-twegibiet li kienu jingħataw.
Il-Beatu Ġordan jikteb li San Duminku “baqa’ b’ħiltu kollha u bl-aqwa ħeġġa jfittex li jirbaħ għal Kristu l-erwieħ kollha li seta’, għax l-għejra li kellu f’qalbu għas-salvazzjoni ta’ kulħadd kienet tal-għaġeb u bilkemm titwemmen.”[23] Din il-ħeġġa hija marbuta max-xhieda li kien jagħti ta’ qdusitu, mal-għaqda tiegħu m’Alla fit-talb, ma’ kif kien jitkellem “jew ma’ Alla jew dwar Alla.”[24]
L-isfida tas-sejħa tagħna
Is-soċjetà li qegħdin ngħixu fiha kulma tmur qiegħda ssir a-Kristjana u f’xi ċirkustanzi anti-Kristjana. Ma jgħaddix jum li fih ma taqrax fil-gazzetti jew tisma’ fl-aħbarijiet xi dikjarazzjoni kontra l-fidi Nisranija u kontra min iħaddanha u jxandarha. Kulħadd jitħaddet dwar il-libertà tal-espressjoni bħala dritt sagrosant; fil-prattika, iżda, jidher li hu hekk sakemm il-ħsibijiet u l-imġiba ma jmorrux kontra l-kurrent tas-soċjetà. F’dinja sekularizzata, li titħaddet “ma’ Alla jew dwar Alla” kulma jmur qiegħed jitqies bħala prattika “oskurantista” u “anti-progressiva”, biex ma ngħidx ukoll irrelevanti.
Qegħdin nisimgħu aktar dwar l-Evanġelju bħallikieku kien “pakkett ta’ valuri” fost il-ħafna pakketti oħra offruti lis-soċjetà moderna bħallikieku jeżisti xi supermerkat ta’ reliġjonijiet li minnhom tista’ tagħżel dak li jaqbel lilek.
Anki f’pajjiżna daħlet sew il-mentalità – biex ma nsejħilhiex ossessjoni – li rridu nkunu f’kollox bħal ħaddieħor, u din qiegħda ġġagħalna ninsew min aħna. Magħha żdiedet ukoll il-ħeġġa – biex ma nsejħilhiex ukoll ossessjoni – li nużaw lingwaġġ newtrali, li kulma jmur qiegħed joħnoq il-lingwaġġ reliġjuż li huwa karatteristiku tal-identità tagħna bħala Maltin. Minn dak li għaddew minnhom pajjiżi oħra fl-Ewropa jmissna nintebħu li jekk sa nħallu l-bieb ta’ barra ta’ darna mbexxaq, stajna ħallejnih miftuħ beraħ.
Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk il-predikazzjoni tagħna hijiex immirata biex togħġob lin-nies jew biex turi l-verità. Jeħtieġ nistaqsu lilna nfusna jekk l-ossessjoni tagħna dwar statistika ta’ attendenza hijiex qiegħda ddardar il-kontenut tal-predikazzjoni tagħna. Meta Ġesù għamel id-diskors dwaru nnifsu bħala l-ħobż tal-ħajja, u bħala konsegwenza ħafna dixxipli telquh għax qalu, “Iebes dan il-kliem! Min jiflaħ jisimgħu?” it-tweġiba ta’ Ġesù kienet ċara; huwa dar fuq it-Tnax u qalilhom: “Tridux titilqu intom ukoll?”[25] Il-bniedem tal-lum ħafna drabi jinħeba wara sfumaturi u dellijiet, il-messaġġ tal-Evanġelju le. L-Evanġelju mhuwiex manifest elettorali. Gwaj għalina bħala Aħwa Predikaturi jekk il-messaġġ tal-Evanġelju ndgħajfuh, ngħawġuh jew nibdluh biex nikkuntentaw l-opinjoni pubblika jew biex niksbu l-popolarità. Gwaj għalina jekk nimxu “max-xejra ta’ din id-dinja”[26] u nagħtu l-impressjoni li l-uniku dnub li jeżisti huwa li ssemmi l-istess kelma “dnub”.
Hija tentazzjoni kbira wkoll għalina bħala Aħwa Predikaturi li “nissekularizzaw” il-ħajja tagħna, l-aktar it-talb. Vincent de Couesnongle tabilħaqq laqat il-musmar fuq rasu meta stqarr:
One cannot become interested in the human situation or study the ideas which mark those cultures that are developing outside the influence of the faith, if one does not consider the tear stains on the faces of those who are the victims of this society. The compassion characteristic of St Dominic urges us to work for the delivering of humanity from the bewitching enchantments of the present world. Mercy, active compassion, relates us to St Dominic. It ought to quicken prayer in us, as it did in him.[27]
In-nies jintrebħux minn dak li ngħidu, imma minn kif aħna ngħixu bħala persuni u bħala komunitajiet… il-kelma tqanqal, l-eżempju jkaxkar. Din, fuq kollox, kienet it-wissija li ta Ġesù lill-Appostli: “Intom xhieda ta’ dan… Tkunu xhieda tiegħi.[28] Jekk l-Evanġelju jkunx effettiv jew le jiddependi minn kemm kemm l-għemil tagħna bħala Aħwa Predikaturi huwiex koerenti jew le ma’ dak li ngħallmu. Diegu u Duminku għarfu tajjeb din ir-realtà meta kkonfrontaw lid-delegazzjoni taċ-Ċisterċensi li ntbagħtu mill-Papa Innoċenz III u lill-arċisqfijiet u l-prelati tan-nofsinhar ta’ Franza waqt konċilju reġjunali li kien qiegħed jiltaqa’ f’Montpellier. It-tagħlim tagħlim tagħhom kien sħiħ u mingħajr għelt, imma t-tlellix kbir iżżejjed li kienu juru fiż-żwiemel u fl-ilbiesi tagħhom u fl-ispejjeż li kienu jagħmlu kienet twaqqa’ l-messaġġ li kienu jxandru. Ma kienx it-tlellix li kellu jġib l-eretiċi lura fi ħdan il-Knisja, imma l-ħajja umli u evanġelika. Fost ħwejjeġ oħra (skont il-Beatu Ġordan) l-isqof Diegu stqarr:
Inħoss li dawn in-nies mhumiex sa jinġibdu lura għall-fidi bil-kliem biss, imma jeħtieġ li l-kliem jitwettaq bl-eżempji. Ħarsu lejn l-eretiċi: minn barra jagħmluha ta’ tajbin, iqarrqu bl-eżempju tagħhom ta’ ħajja meqjusa u iebsa skont l-Evanġelju, u hekk iġagħlu lis-sempliċi jimxu fit-triqat tagħhom. Mela jekk intom ġejtu biex turu ruħkom bil-maqlub ta’ dan, tibnu ftit u tħottu ħafna, u xejn ma jisimgħu minnkom. Aqilgħu l-musmar b’musmar ieħor, irbħu t-taparsi qdusija tagħhom bil-ħajja reliġjuża tassew tagħkom, għax is-suppervja tagħhom li jridu jagħmluha ta’ appostli ma tintrebaħx ħlief b’umiltà ċara.[29]
Ta’ min jgħid, iżda, li la għal Diegu u lanqas għal Duminku l-faqar ma kien għan fih innifsu. Il-faqar f’dan il-kuntest kien qiegħed jitqies bħala ħelsien minn dak kollu li seta’ jxekkel il-xandir tal-Evanġelju.
Bħala Aħwa Predikaturi rridu nuru li l-messaġġ tal-Evanġelju kien, għadu, u jibqa’ relevanti għall-ħajja tal-bniedem. Irridu naffrontaw bil-fidi u bil-kuraġġ l-isfidi li għandna quddiemna. San Pietru jwissina: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom; imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett”.[30]
Jeħtieġ nistaqsu jekk għamilniex wisa’ għall-kompromessi f’ħajjitna, kompromessi li ġabu magħhom kuntradizzjoni bejn il-professjoni ta’ fidi fi Kristu li sejħilna u li stqarrejna bil-fomm min-naħa u l-ħsieb u l-imġiba tagħna mill-oħra. Jekk id-differenza bejnna u bejn il-lajċi ma baqgħetx aktar l-isfida radikali tal-Evanġelju, ma nistgħux nippretendu li jkollna familji Nsara aħjar u wisq anqas reliġjużi ta’ sinsla.
Il-predikazzjoni tagħna trid tgħaqqad l-Evanġelju mal-ħajja tal-bniedem f’kull żmien, l-istess bħalma għamel Ġesù Kristu. Il-predikazzjoni tagħna trid twieġeb għall-mistoqsijiet l-aktar profondi li joħorġu mill-qalb tal-bniedem. Dan ifisser li biex nippritkaw tajjeb jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox nisimgħu u nkunu attenti għall-movimenti u l-kurrenti politiċi u soċjali li qegħdin jiżviluppaw f’dinja li l-ħin kollu għaddejja minn bidliet. Jekk irridu nagħrfu u nwieġbu għall-ħtiġijiet tal-bnedmin tal-lum irridu naqsmu magħhom il-ferħ u n-niket li jgħaddu minnhom. Dwar dan ifakkarna d-dokument tal-Konċilju Vatikan II Gaudium et spes:
L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bniedem tal-lum, fuq kollox tal-foqra u ta’ dawk kollha li jbatu, huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom.[31]
Irridu nisimgħu l-karba tal-vittmi li qiegħda tħalli warajha soċjetà bbażata fuq riċerka teknoloġika bla rażan, u fuq politika ekonomika maqtugħa minn kull sens ta’ etika u ħniena. Dan għandu jwassalna biex nistaqsu lilna nfusna: xi tfisser tkun predikatur mhux aktar fil-bidu tas-seklu tlettax, imma fil-bidu tas-seklu wieħed-u-għoxrin?
Bħall-Albiġiżi ta’ żmien San Duminku, is-soċjetà tal-lum qiegħda tipprietka u tgħix id-duwaliżmu tagħha. Minflok, iżda, ma tikkonsisti f’taqtigħa bejn l-ispirti eterni tat-tajjeb u l-ħażin, hija qiegħda tgħix fi stat kontinwu ta’ kontradizzjoni, fejn moħqrija fuq annimal titqiegħed fuq l-istess livell ta’ moħqrija fuq bniedem, fejn wieħed jiddefendi d-drittiijiet ta’ dawk li m’għandhomx leħen imma mbagħad jipprova jsikket il-leħen ta’ dawk li għandhom fehma differenti. Anki l-imġiba tal-bniedem m’għadhiex titqies fid-dawl ta’ prinċipji stabbiliti, imma fid-dawl tal-opinjoni pubblika. Li tistqarr li ċertu għemil hu tajjeb u ieħor hu ħażin kulma jmur qiegħed jitqies bħala theddida min-naħa tar-reliġjon fuq l-indipendenza u d-dritt tal-istat u tal-individwu. Li titħaddet dwar dnub huwa meqjus bħala fundamentaliżmu; li tgħid li l-familja hi magħmula mill-għaqda bejn raġel u l-mara, u l-ulied li jitnisslu minnhom, jitqies bħala attakk vjolenti fuq il-libertà li tagħżel stili ta’ ħajja alternattivi. It-tagħlim Nisrani kulma jmur qiegħed jitpinġa bħala maqtugħ mir-realtà tal-ħajja, bħala piż żejjed, u saħansitra bħala jasar. Ma’ dan qiegħda tidħol il-mentalità li kulħadd jagħti l-verżjoni tiegħu ta’ dak li għallem Kristu.
Is-soċjetà tal-lum għandha kull dritt tagħmlilna mistoqsijiet skomdi, imma mbagħad għandha wkoll tħejji ruħha biex tisma’ tweġibiet skomdi. Il-missjoni tagħna bħala Aħwa Predikaturi hu li ngħallmu dak li hu meħtieġ għas-salvazzjoni u dan it-tagħlim mhuwiex neċessarjament dak li wieħed ikun jixtieq jisma’ jew li jkun idoqq għal widnejh. U fuq dan ħadd m’għandu jippretendi li jiddettalna liema huma s-suġġetti li dwarhom għandna nitħaddtu u liema huma dawk is-suġġetti li fil-fehma ta’ wħud fuqhom irridu nżommu ħalqna magħluq. Dwar dan Ġesù nnifsu dejjem wera li t-tagħlim tiegħu kien ċar u mingħajr kompromessi. Mhemm xejn ħażin f’li nisimgħu n-nies x’jixtiequ li tkun il-Knisja. Imma mbagħad jeħtieġ naraw jekk dik il-Knisja li jixtiequ n-nies (u aħna magħhom) hijiex l-istess Knisja kif iridha Kristu.
Bħal San Duminku rridu nagħrfu li bħala komunità ta’ predikaturi rridu nkunu komunità profetika u appostolika. Bħalma jistqarr San Pawl lil Timotju: “Alla ma taniex spirtu ta’ biża’, imma Spirtu ta’ qawwa, ta’ mħabba u ta’ rażan.”[32] F’soċjetà li għaddejja minn kriżi ta’ valuri, f’soċjetà fejn qiegħed jibda jinħass vojt kbir fejn qabel kien hemm Alla, bħal San Duminku rridu nuru li l-bniedem għandu dinjità u din id-dinjità tahielu Alla li sawru xbieha tiegħu u fdieh permezz ta’ Ibnu. Mhux talli l-fidi Nisranija ma tmurx kontra d-drittijiet tal-bniedem, talli hi stess turih li għandu drittijiet minħabba d-dinjità li tah Alla. Imma dawn id-drittijiet imorru id f’id ma’ responsabbiltajiet. Minn dan jingħaraf il-kobor tal-bniedem u l-għan tiegħu.
Bħala komunitajiet ta’ predikazzjoni rridu nuru li l-bniedem tal-lum m’għandux ikun stmat skont dak li jirnexxilu jipproduċi; li l-familja – l-omm, il-missier, l-ulied – hija l-ambjent naturali li fih wieħed jibda jitgħallem iħobb; li ġesti żgħar ta’ kuljum jistgħu jkunu l-isbaħ prietka li tqanqal it-tama f’dawk li jħossuhom imwarrba. Bħal San Duminku aħna lkoll imsejħin biex nilqgħu u nħaddmu il-grazzja tal-predikazzjoni.
[1] Umbertu de Romans, De eruditione predicatorum.
[2] Mt 10:20.
[3] Onorju III, Ittra lil San Duminku u ’l ħutu, 18 ta’ Jannar 1217.
[4] Santu Wistin twieled f’Tagaste (illum fl-Alġerija) fis-sena 354. Huwa għadda żgħożija mqallba, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mat-tagħlim tal-fidi kif ukoll dwar dak li għandu x’jaqsam mal-imġiba ta’ ħajtu. Waqt li kien Milan huwa kkonverta għall-fidi Kattolika u tgħammed mill-isqof Sant’Ambroġ fis-sena 387. Reġa’ lura lejn pajjiżu u qabad ħajja axxetika u waqqaf komunità ddedikata għall-kontemplazzjoni u l-istudju tal-Iskrittura. Aktar tard huwa nħatar isqof ta’ Ippona (illum Annâba, fl-Alġerija) u għal 34 sena mexxa din id-djoċesi b’mod mill-aktar eżemplari. Huwa kien magħruf bħala predikatur u kittieb eċċezzjonali li ħadha b’qawwa kbira kontra l-ereżijiet ta’ żmienu u fisser il-fidi b’għaqal kbir. Huwa miet f’Ippona fis-sena 430.
[5] Pelaġju (sek. V) kien saħaq fuq il-libertà u r-responsabbiltà tal-individwu li jaħdem u jikseb is-salvazzjoni bir-rieda tiegħu biss għad-dannu tal-grazzja ġejja mill-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu. Għaldaqstant huwa ċaħad il-ħtieġa tal-magħmudija għat-trabi.
[6] 1 Kor 2:2.
[7] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, L-Ewwel Żminijiet ta’ l-Ordni tal-Predikaturi (Traduzzjoni u noti ta’ Val. V. Barbara), Pubblikazzjonijiet Dumnikani, Malta 1991, n. 104.
[8] Din kienet il-knisja li kienu jieħdu ħsieb San Duminku u sħabu.
[9] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op.cit., n. 62.
[10] Xhieda ta’ Fra Ġwann ta’ Spanja, Atti tal-Proċess tal-Kanonizzazzjoni f’Bologna, n. 26.
[11] Umbert de Romans, De eruditione predicatorum, 4:2.
[12] Is 6:5.
[13] 1 Kor 15:10.
[14] 1 Tess 3:13.
[15] Umbert de Romans, De eruditione predicatorum, 5:3.
[16] Ara 2 Tim 4:2
[17] 1 Kor 14:12.
[18] Kostantinu ta’ Orvieto, Legenda, n. 25.
[19] 2 Kor 11:28.
[20] 1 Pt 5:3
[21] It-test uffiċċjali bit-Taljan jinsab fuq is-sit:
[22] Ara Kostituzzjoni Fundamentali, n. VI
[23] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 34, p. 15.
[24] Xhieda ta’ Fra Stiefnu ta’ Spanja, Proċess tal-Kanonizzazzjoni f’Bologna, n. 37. Din id-deskrizzjoni diġà nsibuha fir-rakkont dwar il ħajja tal-eremita Stiefnu ta’ Muret (m. 1124).
[25] Ara Ġw 6:60.67
[26] Rum 12:2.
[27] Vincent de Couesnongle, The Contemplative Dimension of Dominican Life, Ittra lill-Ordni pubblikata f’Marzu 1983 u li kienet riprodotta fil-ktieb To Praise, To Bless, To Preach, p. 144.
[28] Lq 24:48; Atti 1:8.
[29] Ara Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 20.
[30] 1 Pt 3:15b-16a.
[31] Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja tal-Lum “Gaudium et Spes”, trad. Isqof Emmanuel Galea, meħud minn Id-Dokumenti tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Edizzjoni Studia, Malta 1982, n. 1 p. 331.
[32] 1 Tim 1:7.