Riċensjoni: Oliver Friggieri: Ħassieb u Kittieb, Knisja 2000 nru. 153
- P. Raymond Gatt OP
- 1 day ago
- 2 min read

Oliver Friggieri permezz tal-pinna tiegħu, ħallielna librerija ta’ kotba li tikkonsisti f’poeżiji, rumanzi, novelli, drammi, studji kritici, artikli f’gazzetti u perjodiċi kemm bil-Malti u anki b’diversi lingwi. Il-kontribut tiegħu għal-letteratura u l-kultura Maltija huwa vast għaliex hu ma kienx jgħaddi mument li ma kienx ikun qiegħed iħarbex l-iswed fuq l-abjad u fl-aħħar snin ta’ ħajtu fit-tpinġija tad-disinji. Huwa tassew kien iħobb il-lingwa Maltija u dak kollu li hu Malti.
Fil-fatt huwa jgħid:
Jiena naħseb li l-letteratura, l-arti kollha, il-kultura, il-politika, ir-reliġjon, il-lingwa, dawn kollha, dal-cocktail kbir li lilna l-Maltin jagħmilna bħala poplu.[1]
Dan Friggieri kien jemmnu u kien itambar fuqu ma’ għexieren ta’ studenti li hu kien iħobb u li qasam l-għerf tiegħu magħhom. Huwa jirrakonta:
Fil-klassi noħorġu mis-suġġett sewwasew għaliex ikollna suġġett. U liema suġġett ma jaqax taħt il-gwienaħ wesgħin tal-letteratura? Liema tema reliġjuza, politika, soċjali, filosofika hi barranija għal-letteratura? … Kemm-il darba waqt il-lezzjoni tal-poeżija tennejt lill-istudenti: nittama li għad tiftakru f’dak li ngħidu fil-klassi sewwasew meta tkunu ‘l bogħod mill-klassi! Ma jiswa xejn kulma nistudjaw fil-kotba u fil-klassi jekk dan kollu ma jgħaddix sewwa mill-eżami tal-esperjenza![2]
Quddiem dan il-ġgant tal-letteratura u l-kultura Maltija xtaqna li nikkontribwixxu permezz ta’ din il-ħarġa tar-rivista, biex nuru rikonoxximent u ħajr tal-ħidma kollha li wettaq il-Prof. Friggieri għall-poplu tagħna. Jalla l-wirt li ħallielna jibqa’ ħaj fostna. Kull min jixtieq kopja tar-rivista minn Preca Library l-Blata l-Bajda jew jikteb lil Fr. Raymond Gatt OP fuq l-email gattrayop@gmail.com jew fuq l-indirizz postali Patrijiet Dumnikani, Kunvent San Duminku, Rabat RBT 2521.

[1] Paul P.Borg, Oliver Friggieri u Jien, Horizons, Malta, 2021, p.184.
[2] Oliver Friggieri, Fjuri li ma Jinxfux: Tifkiriet 1955-1990, Klabb Kotba Maltin, Malta, 2008, p.546.
Comments