top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Riċensjoni: Komunikazzjoni u Evanġelizzazzjoni, Knisja 2000 nru.144

Guido di Piero OP, magħruf bħala l-Beato Angelico (1395-1455), f’affresk li hu pitter bejn

is-snin 1436-43, u li jinsab fil-mużew ta’ San Marco f’Firenze, juri lil Kristu mdawwar bl-

Appostli qiegħed jagħmel il-prietka tal-muntanja (Mt 5-7). Dan l-affresk ilaqqa’ flimkien il-

komunikazzjoni u l-evanġelizzazzjoni ta’ Kristu. Il-fidi nisranija turina li Ġesù huwa l-istess

Kelma Inkarnata t’Alla li ġie fid-dinja biex jifdi l-umanità. Għalhekk Ġesù huwa l-istess

komunikazzjoni t’Alla lill-bnedmin. Huwa mhux biss għandu l-kliem li jagħti l-ħajja imma

jagħmel mill-istess ħajtu Kelma u messaġġ.


Ġesù kkomunika bil-kliem, bl-għemejjel u bil-ġesti tiegħu l-messaġġ evanġeliku li għal

min isegwih jissarraf fil-ferħ, fil-ħelsien, fid-dawl, fil-fejqan u fl-istagħġib tal-grazzja. Hu ried

li dak li kkomunika jibqa’ jiġi mwassal b’mod li jiftiehem u jkun adattat skont iż-żminijiet lil

dawk li għażlu li jsegwuh matul ħajjithom.


Il-komunikazzjoni tal-Evanġelju hija servizz li min-natura tiegħu kull nisrani jrid jagħti

matul ħajtu. Din l-evanġelizzazzjoni trid issir anki bl-użu tal-mezzi tal-komunikazzjoni li

toffrilna d-dinja tal-lum. Fit-tieni perjodu tas-seklu 20 kellna l-miġja tal-komunikazzjoni

elettronika li ġabet rivoluzzjoni fis-sistemi ta’ ħsieb tal-bniedem u dan ukoll irrifletta ruħu fit-

teoloġija u fl-evanġelizzazzjoni. Dan ħoloq sfida għall-Knisja biex tara kif hija tista’ tkompli l-

missjoni tagħha meta tqis li s-sagramenti huma parti integrali mill-evanġelizzazzjoni peress li

huma mezzi ta’ salvazzjoni u li dawn jeħtieġu presenza fiżika.


Min-naħa l-oħra il-medja l-ġdida ta’ komunikazzjoni fetħet tieqa wiesgħa ta’ possibilitajiet

ta’ evanġelizzazzjoni. Dan ħoloq sfida anki għat-tejologi, saċerdoti, għalliema u l-insara inġenerali biex jifhmu n-natura u l-funzjoni tal-medja elettronika u jsibu modi kif jistgħu jużaw

l-possibbiltajiet li toħloq b’mod li jħalli l-frott. Ċertament il-Knisja trid tkompli tidħol għal din

l-isfida virtwali u tibqa’ twassal il-messaġġ tagħha għal żmienna. L-isfida tal-Knisja llum hija

kif se tasal biex issib mod kif twassal l-informazzjoni mogħtija mid-dinja virtwali mal-

ispiritwalità li hija frott il-grazzja t’Alla.


Din il-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni f’soċjetà sekulari, pluralista u demokratika, il-Knisja

trid tagħmilha billi tkun ta’ dawl f’dak li għandu x’jaqsam mal-bniedem. Huwa fuq din il-linja

li hi se tiġi mismugħa anki jekk se tmur kontra l-kurrent jew se tkun vuċi fid-deżert quddiem

il-mentalità relattivista, neoliberali u postmoderna. Ir-rivoluzzjoni elettronika ġabet effett

ukoll fuq it-tip ta’ lingwaġġ li jimplika mod ta’ ħsieb u mod ta’ ħajja, li hu prevalenti fi

żminjietna. Id-diġitalizzazzjoni ġabet bidla fil-kostruzzjoni tal-ħsieb u d-diskors tan-nies tal-

lum. Għalhekk il-Knisja trid tkompli twassal b’lingwaġġ li jinftiehem dak li Alla jrid mill-

umanità. Dan tagħmlu bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu li hu l-protagonist ewlieni tal-

evanġelizzazzjoni.




Post: Blog2_Post
bottom of page