Il-ħajja tal-bniedem fuq l-art hija mimlija tamiet – li jkollu saħħa tajba, li jkollu xogħol għal qalbu, li jagħmel karriera ta’ suċċess, li jwaqqaf familja sana, li jgħix b’mod dinjituż, u li jkun kuntent matul ħajtu. Dawn it-tamiet iżommu lill-persuna miexja 'l quddiem fiċ-ċirkustanzi sbieħ u koroh li jiltaqa’ magħhom mal-medda taż-żmien. L-ebda bniedem ma hu perfett u għalhekk għandu bżonn il-virtù tat-tama biex tkompli tqawwih ħalli jilħaq l-għan li għandu quddiemu fit-triq ta’ ħajtu. Għalhekk it-tama tagħti tifsira lill-ħajja mentri n-nuqqas tagħha jfisser li tieqaf tgħix (Fyodor Dostoevsky).
Il-problema tal-bniedem tal-lum fis-seklu 21, hija li mhux facli wieħed jemmen f’Alla jew li jifhem eżatt xi jfisser it-twemmin f’Alla. U dan in-nuqqas ta’ twemmin imur lura fl-istorja, lejn is-seklu 16, fejn ix-xjenza kulma tmur bdiet tiżviluppa u ssir il-boxxla ewlenija tal-bniedem. Dan wassal biex il-bniedem jagħmel progress fid-diversi oqsma tal-ħajja u jsir dejjem iktar awtonomu u indipendenti anki minn forzi akbar minnu, saħansitra anki minn Alla. It-tħaddim tar-raġuni u l-libertà għenu biex il-bniedem dejjem jiskopri l-potenzjal li hemm ġewwa fih, imma li sfortunatament dawn mhux dejjem servew biex jintlaħaq dak li hu tajjeb u ta’ ġid għall-ħajja tiegħu.
Quddiem dan kollu l-problema fundamentali tal-bniedem baqgħet tkaxkar sa żmienna jiġifieri li ‘l-bniedem jibqa’ dejjem bniedem’ (Benedittu XVI, Spe Salvi, nru. 21). Id-diversi rivoluzzjonijiet li seħħew mill-aħħar tas-seklu 18 ‘il quddiem biex il-bniedem ikun iktar liberu u indipendenti, wasslu biex ma jintlaħaqx għalkollox l-għan li għalih kienet immirata l-enerġija kollha tiegħu biex huwa jikseb dak li jixtieq tassew u dak li jittama.
Il-viżjoni tat-tama Nisranija hija iktar wiesgħa fil-perspettiva tagħha għax ‘din it-tama l-kbira tista’ tkun biss f’Alla li jħaddan l-univers u li jista’ jipproponilna u jagħtina dak li waħedna ma nistgħux nilħquh’ (Benedittu XVI, Spe Salvi, nru. 31). Dan iwassalna biex ma nserrħux fuq il-ħila biss tal-uman imma li nħarsu u nittamaw f’Alla li jista’ kollox. Il-Papa Benedittu XVI ikompli jgħid li, ‘l-imhabba t’Alla biss tagħtina l-possibbiltà li nipperseveraw bir-rażan jum wara jum, mingħajr ma nitilfu l-ħeġġa tat-tama, f’dinja li, min-natura tagħha, hija imperfetta’ (Spe Salvi, nru. 31).
Il-Ġublew tat-Tama, li se jiġi ċċelebrat fil-Knisja Kattolika fis-sena 2025, għandu l-għan li juri, kif kiteb il-Papa Franġisku, li ‘l-ħajja Nisranija hija mixja li teħtieġ ukoll ta’ mumenti qawwija biex inkabbru u nsaħħu t-tama, sieħba insostitwibbli li tagħtina ħjiel tad-destinazzjoni: il-laqgħa mal-Mulej Gesù' (Bolla tal-Indizzjoni tal-Gublew, nru.5). Ikun f’waqtu li ż-żmien li ġej iservi biex niskopru iktar bħala Nsara s-sejħa u l-missjoni tagħna biex t-tama tagħna nxettluha madwarna b’mod speċjali fejn hemm id-dlam.
Min jixtieq jakkwista kopja mitbugħa ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.
Comentários