IEOP Malta 2025
- Editor
- 4 days ago
- 3 min read

Din is‑sena l‑Provinċja Dumnikana Maltija ospitat il‑laqgħa Interewropea tal‑Ordni tal‑Predikaturi (IEOP), li ssir kull sena fil‑ġimgħa ta’ wara l‑Għid. Il‑laqgħa din is‑sena ħabtet bejn it‑22 u s‑26 ta’ April, bil‑laqgħat isiru fiċ‑Ċentru Ragħaj it‑Tajjeb ġewwa s‑Seminarju tal‑Arċisqof, fir‑Rabat.
Dan l‑inkontru ġab flimkien aktar minn 20 provinċjal ġejjin minn firxa wiesgħa ta’ reġjuni, fosthom l‑Iskandinavja, ir‑Renju Unit, l‑Iberja, l‑Ewropa Ċentrali u tal‑Lvant, u l‑Mediterran. Magħhom attendew ukoll iż‑żewġ soċji tal‑Majjistru għall‑Ewropa, P. Thomas Brogl OP u P. Pavel Syssoev OP, flimkien ma’ P. Jaun Manuel Hernández OP, is‑soċju tal‑Majjistru għall‑Ħajja Fraterna u l‑Formazzjoni.
Il‑provinċjali ddiskutew diversi temi li jolqtu l‑missjoni, il‑ħidma u l‑amministrazzjoni tal‑Ordni fl‑Ewropa kif ukoll l‑isfidi li dawn qegħdin jaffaċċjaw fil‑kontinent. Fost l‑oħrajn ġew diskussi l‑governanza. Għal waħda minn dawn is‑sessjonijiet ġie mistieden ir‑Rev. Profs. Paul Galea. Għal sessjoni oħra, dwar il‑governanza, għamel intervent online l‑Arċisqof David Macaire OP.
Ġew diskussi temi oħrajn bħal pereżempju l‑kollaborazzjoni fl‑appostolat, liema diskussjoni ħa sehem fiha online, is‑soċju tal‑Majjistru P. Florentino Bolo OP.

Diskussjoni improtanti oħra kienet dik dwar il‑formazzjoni u l‑kollaborazzjoni interprovinċjali f’dan ir‑rigward. Għal din is‑sessjoni ħadu sehem b’mod partikolari wħud minn dawk responsabbli għall‑postulani u prenovizzi. P. Llewellyn Muscat OP, dak responsabbli fil‑Provinċja Dumnikana Maltija, għamel intervent u ħa sehem fid‑diskussjoni.
Bħalma jsir kull sena, il‑parteċipanti tal‑IEOP kellhom ukoll mawra ta’ nofstanhar. Il‑mawra, nhar il‑Ħamis 24 ta’ April, ħadet lill‑kontinġent lejn il‑Belt Valletta fejn saret żjara fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann. Hawnhekk żewġ gwidi dawru l‑provinċjali madwar il‑Katidral u elenkaw id‑diversi opri prezzjużi tal‑arti barokka li jagħnu dan il‑maqdes. Għal dan il‑għan, is‑Sur Anthony Casha, mill‑Fondazzjoni tal‑Konkatidral ta’ San Ġwann, dawwar parti mill‑grupp, filwaqt li l‑grupp l‑ieħor ddawwar mal‑Konkatidral mis‑Sinjura Wiebke Micallef Eynaud. Ma setax jonqos li din il‑mawra ġiet inkurunata biż‑żjara lix‑xogħlijiet tal‑Caravaggio fl‑Oratorju tal‑Konkatidral. Il‑kontinġent kellu wkoll l‑opportunità jżur il‑Caravaggio Experience, miftuħa riċentament fl‑istess Oratorju.

Wara l‑Konkatidral, il‑grupp ġibed lejn Strada Merkanti u baqa’ nieżel sal‑Knisja tal‑Portu Salvu fejn hemm sab jilqgħu l‑Pirjol, P. Pawl Gatt OP, P. Joe Ellul OP u Fra Mark Sciberras OP. P. Joe Ellul imbagħad ta spejgazzjoni artistika u teoloġika tal‑opri tal‑arti li jagħnu l‑knisja tal‑Portu Salvu. Wara l‑grupp għadda mis‑sagristija, fejn seta’ jammira l‑opri tal‑fidda, u baqa’ nieżel għall‑Kunvent fejn apparti li kompla jammira l‑opri esebiti fil‑Mużew, seta’ wkoll iqatta’ ftit ħin ta’ fraternità. Hawnhekk il‑Majjistru tal‑Ordni feraħ ukoll lil P. Kostantin Mamo OP, li kien qed jiċċelebra s‑60 anniversarju mill‑Ordinazzjoni Presbiterali tiegħu.
Wara li ħallew il‑Kunvent, il‑kontinġent għadda minn Triq ir‑Repubblika u baqa’ sejjer sal‑Barrakka, fejn seta’ jammiraw il‑panorama tal‑Port il‑Kbir u, wara li niżel lejn ix‑Xatt ta’ Lascaris bil‑lift tal‑Barrakka, qasam bid‑dgħajsa lejn it‑Tliet Ibliet. M’għandniex xi ngħidu, ix‑xeni spettakolari tal‑Forti Sant’Anġlu, il‑Belt Rebbieħa u l‑Isla ma naqsux milli jħallu impressjoni tajba ħafna fuq il‑parteċipanti kollha.
Wara li mbagħad saret ikla f’ristorant fix‑Xatt tal‑Birgu, il‑kontinġent tela’ mill‑pjazza tal‑Birug u ġibed lejn it‑telgħa tal‑Lunzjata, fejn sab il‑knisja miftuħa u membri tal‑komunità lesti biex jilqugħhom. Kien hemm il‑Pirjol, P. Aaron Zahra OP, P. Dennis Maquiraya OP, P. Jeremy Realubit OP u Fra Ryan Theuma.
P. Alan J. Adami OP tahom spejgazzjoni dwar it‑teoloġija wara x‑xbieha titulari tal‑Lunzajta, opra tal‑artist Malti Emvin Cremona.
Il‑Ġimgħa 25 ta’ April, imbagħad, wara s‑sessjonijiet ta’ diskussjonijiet ta’ filgħodu, xi provinċjali, wara l‑pranzu, żaru l‑grotta ta’ San Pawl fir‑Rabat u l‑Wignacourt Musuem fejn kienu milqugħin u mogħtija tour dettaljat mill‑Arċipriet Dun Joe Mizzi. Il‑provinċjali kellhom ċans jitolbu fil‑Grotta ta’ San Pawl u kantaw flimkien il‑Pater Noster.

Filgħaxija, imbagħad, wara li l-grupp kollu żar il-mużew tal-kunvent tar-Rabat, saret quddiesa għall‑Familja Dumnikana Maltija kollha fis‑6:30pm, fil‑Knisja ta’ Sidtna Marija tal‑Għar, ir‑Rabat. Din il‑quddiesa tmexxiet mill‑Majjistru Ġenerali tal‑Ordni, P. Gerard Francisco Timoner III, u għaliha flimkien mas‑soċji preżenti u l‑provinċjali Ewropej, ikkonċelebraw għadd sabiħ ta’ aħwa. Il‑kongregazzjoni numeruża wkoll kellha rappreżentanza sabiħa mill‑Fergħat kollha tal‑Familja Dumnikana, bis‑sorijiet, lajċi, ħbieb, qraba u benefatturi. Il‑kant, mill‑kor numeruż tas‑St Paul Choral Society, kompla sebbaħ tabilħaqq din iċ‑ċelebrazzjoni b’għażla sabiħa ta’ innijiet ta’ żmien l‑Għid.
Wara l‑quddiesa, imbagħad, sar riċeviment fil‑kjostru tal‑kunvent fejn kulħadd kompla jaqsam f’mument ta’ fraternità.

L‑organizzazzjoni tal‑IEOP kienet f’idejn equipp, maħtur mill‑Provinċjal P. Vince Micallef OP, li barra minnu kien hemm ukoll membri, P. Alan J. Adami, P. Ivan Attard, P. Christopher Caruana u P. LLewellyn Muscat. Barra dan l-istudenti kollha taw daqqa t’id fis-servizz liturġiku, filwaqt li Fra Antoine Gauci, flimkien ma’ Fra Matthias Buhagiar għenu fit-trasport tal-Provinċjali minn u lejn l-ajruport.

Comments