top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Dun Karm: għadu rilevanti?

Updated: Apr 12, 2023




Dun Karm: għadu rilevanti?

Dan huwa t-titlu tal-ħarġa nru. 140, tar-rivista Knisja 2000, ħarġa li, bħall-ħarġiet kollha ta’ qabilha tista’ tissejjaħ ktieb, ktieb ta’ siwi kbir u ta’ tagħlim. U dan it-titlu huwa wieħed ta’ min jagħrblu għax, tabilħaqq, Dun Karm għadu rilevanti fiż-żminijiet tal-lum. Dak li hu Dante Alighieri għall-Italja, huwa Dun Karm Psaila (1871-1961) għal Malta bħala Poeta Nazzjonali. Matul is-snin, il-figura ta’ Dun Karm bħala poeta ssoktat tieħu statura dejjem akbar. Dwaru u dwar vrusu nkitbu kotba u saġġi bla għadd, kollha jirreflettu lilu bħala persuna, bħala saċerdot, u bħala bniedem li għex ħajtu bħal kulħadd u rnexxielu jħalli wirt etern lil pajjiżu.


Dak li hu Dante Alighieri għall-Italja, huwa Dun Karm Psaila għal Malta bħala Poeta Nazzjonali.

Il-ħarġa tiftaħ b’Editorjal minn P. Raymond Gatt O.P., segwit mis-saġġ It-Testment Poetiku ta’ Dun Karm, miktub mill-Prof. Charles Briffa; wara dan Dun Karm minn Perspettiva Estetika-Letterarja, saġġ ieħor miktub minn Dr Josette Attard. Isegwi “Iżda daqsek lil ħadd”, L-Element Patrijottiku u Nazzjonali f’Dun Karm, kitba ta’ Andre P. DeBattista; isegwi Prof. Adrian Grima bis-saġġ Is-Soċjetà Ġwejda ta’ Dun Karm. Warajh, L-element ġeografikufil-poeżija ta’ Dun Karm, kitba ta’ Dr. Mario Cutajar, segwit minn Il-pajsaġġ u l-ambjent naturali fil-poeżija ta’ Dun Karm Psaila, kitba ta’ David Calleja.


Saġġ ieħor importanti huwa L-element reliġjuż fil-poeżiji ta’ Dun Karm Psaila, kitba ta’ Patrick J. Sammut. Isegwi Wayne Farrugia bl-artiklu tiegħu L-element femminili fil-poeżija ta’ Dun Karm, segwit minn Ir-rilevanza dejjiema tal-versi Pawlini ta’ Dun Karm Psaila, artiklu ieħor interessanti miktub minn Fr David Torpiano. L-aħħar saġġ huwa ‘Waħdi’ u ‘Wied Qirda’ – riflessjoni dwar żewġ poeżiji ta’ Dun Karm, kitba ta’ Tarċisju Zarb.


Kif wieħed jista’ jara, dan huwa ktieb ta’ valur kbir u ta’ interess nazzjonali partikolari, li jmur lil hinn mill-element letterarju per se, għax fih jiġbor l-ego Malti sa għeruqu, u nissuġġerixxi li l-ktieb jidħol fil-kurrikulu skolastiku, biex l-għarfien dwar Dun Karm iżid, jisseddaq, u jissaħħaħ, u aħna l-Maltin, bħal bosta popli oħra ċivilizzati, inkunu verament kburin bil-Poeta Nazzjonali tagħna.


Min jixtieq jakkwista kopja ta’ dan il-ktieb jista’ jikkuntattja lil P. Raymond Gatt O.P., fuq l-email gattrayop@yahoo.com jew fuq l-indirizz postali, Patrijiet Dumnikani, Kunvent San Duminku, Triq San Duminku, Valletta VLT 1603.



Post: Blog2_Post
bottom of page