top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Riċensjoni: Teoloġi Kattoliċi ta' Żmienna, Knisja 2000 nru.145



Il-Konċilju Vatikan II (1962-65) kien l-ikbar avveniment tal-Knisja Kattolika fis-seklu għoxrin, għax immarka punt tat-tluq imma fl-istess ħin kontinwazzjoni fil-mixja tal-Knisja Kattolika. Kien il-Papa Ġwanni XXIII, li mexxa l-Knisja bejn l-1958 u l-1963, li fetaħ dan il-konċilju minħabba li ra l-ħtieġa li l-Knisja taġġorna ruħha, ‘aggiornamento’, kemm internament u anki esternament, għall-bidliet kbar li bdew iseħħu fid-dinja ta’ dak iz-zmien. Fil-Konċilju Vatikan II il-Knisja Kattolika għarfet il-bżonn li taġġorna t-tagħlim tagħha biex iġġibu rilevanti għad-dinja moderna u sekulari. Dan sar bis-saħħa ta’ nies li kienu kapaċi jaqraw is-sinjali taż-żminijiet u rrikorrew għas-sorsi antiki u medjevali tat-tradizzjoni Kattolika biex jibnu fidi kattolika awtentika għaż-żminijiet moderni.


Din l-arja ġdida, li bdiet tonfoħ fil-Knisja, ma nibtitx f’daqqa imma kien hemm perjodu twil qabel li beda jħejji t-triq. Dan jidher ċar mid-diversi movimenti ta’ tiġdid u kurrenti teoloġiċi li nibtu fil-Knisja mill-bidu tas-seklu għoxrin 'l quddiem. Il-movimenti Bibliku, Liturgiku, Ekumeniku, u Teologiku ħejjew it-triq għal dan il-Konċilju Ekumeniku wara disgħin sena mill-Konċilju Vatikan I (1869-70). Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, fi Franza bdiet tissawwar dik li bdiet tissejjaħ in-Nouvelle Théologie li marret lura għall-oriġini tal-Kristjaneżmu jiġifieri għall-għejjun Bibliċi u Patristiċi tiegħu. Bejn l-1930 u l-1940 insibu żewġ skejjel Franċiżi li taw kontribut kbir biex issawret din it-teoloġija jiġifieri l-iskola Dumnikana ta’ Le Sauchoir u l-iskola Ġiżwita ta’ Fourviere.


Dan il-moviment teoloġiku għen biex il-Knisja taġġorna għat-tibdil li beda jsir fid-dinja u li kien ta’ ispirazzjoni għall-Konċilju Vatikan II billi ġab it-teoloġi fi djalogu san mal-filosfi sekulari. Teoloġi kbar li taw sehem kbir f’dan il-moviment ta’ qawmien teoloġiku ġdid kienu Henri de Lubac SJ (1896-1991) u Yves Congar OP (1904-95). Ma’ dawn inżidu lil Karl Rahner SJ (1904-84), Hans Urs von Balthasar (1905-1988), Edward Schillebeeckx OP (1914-2009), u Joseph Ratzinger - Benedittu XVI (1927-2022). Ftit qabilhom fiż-żmien insibu lit-teoloġi Romano Guardini (1885-1968) u Pierre Teilhard de Chardin SJ (1881-1955) li influwenzawhom. Gustavo Gutierrez OP (1928- ) hu l-uniku wieħed li ma ġiex mill-kontinent Ewropew imma mill-Amerika Latina u li kien strumentali fl-oriġini tat-Teoloġija tal-Liberazzjoni.


Għalhekk fis-seklu 20 kellna ġenerazzjoni ta’ teoloġi ġodda li għallmu l-Knisja kif tiddjaloga mal-kultura moderna, bil-problemi kollha li l-bniedem kien għaddej minnhom, f’dinja ta’ bidla mgħaġġla. It-teoloġija hija indispensabbli għall-Knisja f’kull żmien biex tirrispondi għall-pjan t’Alla billi tieħu f’kunsiderazzjoni l-problemi ġodda li jħabbat wiċċu magħhom l-ispirtu uman. L-għan tat-teoloġija huwa li toffri l-kontribuzzjoni tagħha biex il-fidi tkun tista’ tigi kkomunikata għall-bniedem ta’ kull żmien. Dan li għamlu t-teoloġi kattoliċi li fuqhom titħadded din il-ħarġa tar-rivista Knisja 2000.

Post: Blog2_Post
bottom of page