top of page

L-Iprem Mudell tal-Lajkat Dumnikan: San Pier Giorgio Frassati u San Bartolo Longo

  • Writer: Fr. Alan Joseph Adami OP
    Fr. Alan Joseph Adami OP
  • 5 days ago
  • 7 min read

Updated: 1 day ago


Fuq ix-xellug: San Pier Giorgio Frassati. Fuq il-lemin: San Bartolo Longo
Fuq ix-xellug: San Pier Giorgio Frassati. Fuq il-lemin: San Bartolo Longo

Fl-ewwel ftit xhur tal-pontifikat tal-Papa Ljun XIV, l-Ordni Dumnikan irċieva żewġ qaddisin ġodda fi ħdanu: San Pier Giorgio Frassati u San Bartolo Longo. Li huwa straordinarju huwa kif fi Frassati u Longo, l-Ordni Dumnikan ipprovda lill-Knisja żewġ qaddisin li la huma ġejjin mill-fergħa saċerdotali tal-Ordni u lanqas mill-fergħa tar-reliġjużi, iżda huma ġejjin mill-fergħa tal-Lajċi Dumnikani.


            Longo u Frassati għexu fiż-żminijiet imqallba tat-tmiem is-seklu 19 u l-bidu tas-seklu għoxrin, u minkejja d-differenzi storiċi u kontestwali, it-tnejn irnexxielhom bil-mod tagħhom jikkonverġu f’ħidma li hija msawba mill-ispirtu ta’ San Duminku. Għalina, illum, it-tnejn jidhru bħala qaddisin kemxejn imbiegħda fiż-żmien, li għexu s-seklu l-ieħor u f’art ’l hinn. Madanakollu, it-topikalità tal-ispirtu tagħhom, b’mod mill-aktar misterjuż, jirreżona wisq max-xejra ta’ żminijietna. Illejla xtaqt li naqsam dawn il-ħsibijiet tiegħi magħkom, propju b’dawn iż-żewġ punti fi ħsibijiet. L-ewwel nett, billi magħkom niskopri kif il-ħajja u l-ħidma ta’ Bartolo Longo u Pier Giorgio Frassati, kull wieħed bil-mod tiegħu, nisslet espressjoni konkreta tal-ispirtu ta’ San Duminku, u t-tieni billi niskopru flimkien is-sinjifikat tal-kanonizzazzjoni tagħhom fi żminijietna.


1.     L-Ispirtu ta’ San Duminku

San Tumas t’Akwinu, famożament, ġabar l-ispiritwalità tal-Ordni tagħna f’dik il-frażi contemplata aliis tradere.[1] Id-Dumnikan huwa dak li jgħaddi l-frott tal-kontemplazzjoni lill-oħrajn. Meta kiteb din il-frażi San Tumas kien f’nofs kontroversja, ċioè, kien qiegħed jiddefendi l-għamla l-ġdida ta’ ħajja reliġjuża, li waqqaf San Duminku, kontra l-kritika ta’ ordnijiet reliġjużi aktar qodma u prestiġġjużi f’dik il-ħabta. Sa qabel Duminku l-ħajja reliġjuża kienet ta’ natura kontemplattiva. Il-persuni kkonsagrati bi professjoni reliġjuża, bħall-Benedittini, Kartusjani u t-Trappisti, kienu jgħixu f’monasteri u jgħaddu ħajjithom kollha fil-kontemplazzjoni u t-tifħir ta’ Alla.


            Duminku, din l-għamla ta’ ħajja ma remihiex iżda fetaħha u għaqqadha ma’ forma oħra ta’ ħajja: il-ħajja attiva. Kif nafu, Duminku waqqaf għamla ta’ ħajja li fil-qalba tagħha kellha missjoni appostolika li tinvolvi ċertu livell ta’ attività: il-predikazzjoni. Lill-aħwa huwa ma riedhomx li jgħaddu ħajjithom fil-kor jew fil-bibljoteki, f’kontemplazzjoni stretta, iżda riedhom illi jaqsmu l-frott tal-kontemplazzjoni tagħhom billi joħorġu jippritkaw. Dawk li kienu ġejjin mill-ordnijiet l-antiki, bdew jikkritikaw din l-għamla ta’ ħajja, għaliex huma qalu li m’hemmx ħajja katar perfetta milli wieħed jgħaddi ħajtu kollha fil-kontemplazzjoni.


San Tumas t’Akwinu, id-Dumnikan li fi żgħoritu daq il-ħajja monastika f’Monte Cassino, ried jiddefendi l-għamla tal-ħajja tal-Ordni tiegħu. Huwa saħaq li d-differenza bejn ordni u ieħor toħroġ mill-għan tiegħu. Xi ordnijiet għandhom għan kontemplattiv, oħrajn għandhom għan kompletament attiv, bħal dawk mitfugħin fuq l-opri tal-ħniena. Huwa dan l-għan li sewwasew jagħmel ordni aktar perfett minn ieħor. Iżda, fost dawk l-ordnijiet li l-għan tagħhom huwa l-kontemplazzjoni, ebda ordni ma jista’ jissejjaħ ogħla minn ieħor għax ilkoll jaqsmu l-istess għan. Il-prinċipju li jiddistingwihom bejniethom, mela, ma jibqax l-għan iżda jsir sewwasew il-ħidma tagħhom. U f’dan is-sens, l-ordni li l-ħidma tiegħu hija li jaqsam il-frott tal-kontemplazzjoni mal-oħrajn (contemplata aliis tradere) huwa aktar perfett minn ordnijiet oħrajn li l-għan tagħhom jieqaf purament mal-attività tal-kontemplazzjoni.


Wara dan ir-raġunar tad-Duttur Anġeliku, hemm il-prinċipju taż-żewġ tipi ta' relazzjonijiet li jgħaddu bejn aġent u għan: (1) jekk xi għan ikun għadu ma nkisibx, allura l-azzjoni tal-aġent tfittex li tikseb dak l-għan; (2) jekk l-għan ikun diġà miksub, allura l-azzjoni tal-aġent tkun biex jaqsam mal-oħrajn mill-milja ta’ dak li għandu. Il-konklużjoni li ssegwi hija sempliċi: min jaqsam il-kontemplazzjoni mal-oħrajn, ifisser li jrid ikun diġà kiseb il-milja tal-kontemplazzjoni. B’dan il-mod, San Tumas, mhux biss għolla, iżda, ipprogramma l-ħajja tal-Aħwa Predikaturi. Il-predikatur jeħtieġ li għandu jkollu l-milja tal-kontemplazzjoni jekk irid jaqsamha mal-oħrajn.


Aktar tard, nindunaw li l-bażi tal-argument ta’ San Tumas huwa Kristoloġiku. Fit-tielet parti tas-Summa Theologiae, San Tumas propju jgħidilna li Kristu nnifsu għażel għalih din l-għamla ta’ ħajja,


Il-ħajja tal-kontemplazzjoni fiha nfisha hija aħjar mill-ħajja attiva, li tinvolvi azzjonijiet korporali. Iżda, f’dik il-ħajja attiva li fiha wieħed jgħaddi l-frott tal-kontemplazzjoni bil-predikazzjoni u t-tagħlim, hija aktar perfetta mill-ħajja li tingħadda biss fil-kontemplazzjoni, għaliex din it-tali ħajja tassumi l-abbundanza tal-kontemplazzjoni. U għalhekk, Kristu għażel din it-tip ta’ ħajja.[2]


Kristu, skont San Tumas, huwa l-predikatur pereċċellenza, huwa l-ewwel mudell tad-predikatur Dumnikan għax kien hu l-ewwel wieħed li għażel ħajja illi fiha jaqsam il-milja tal-kontemplazzjoni tiegħu mal-oħrajn.


Għażilt li nibda b’din ir-riflessjoni llejla għaliex dan il-programm tal-ħajja Dumnikana nsibuh jilma fil-ħajjiet taż-żewġ figuri li qegħdin niċċelebraw b’mod partikolari llejla, San Pier Giorgio Frassati u San Bartolo Longo. Il-ħajja ta’ dawn iż-żewġ qaddisin ġodda hija mmarkata b’appostolat mal-foqra u l-batuti, iżda fil-ħajja tat-tnejn, dan l-appostolat qatt ma kien għan fih innifsu jew il-punt tat-tluq. Il-ħidma kienet bħal tfawwar mill-ħajja ta’ intimità spiritwali, mit-taħriġ fil-kontemplazzjoni li mmarka ħajjithom.


Biżżejjed inħarsu lejn San Bartolo Longo, l-avukat Satanist konvertit, li ħajtu hija marbuta minn naħa waħda mal-appostolat tar-Rużarju, li San Ġwanni Pawlu II sejjaħlu l-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu ma’ Marija,[3] u min-naħa l-oħra bl-opri tal-ħniena li huwa waqqaf, bħall-orfanatrofju għall-bniet li waqqaf fl-1887, l-iskola u l-istitut tekniku għall-ulied subien tal-ħabsin imwaqqaf fl-1892 u aktar tard wieħed għall-bniet fl-1922, flimkien mal-għadd ta’ shelters għall-foqra u dawk bla saqaf fuq rashom, li huwa waqqaf ma’ martu, il-Kontessa Mariana di Fusco. Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-belt ta’ Pompei saret espressjoni arkitettonika ta’ din is-simbijosi Dumnikana tal-ħajja kontemplattiva fuq naħa u l-ħajja attiva, fuq in-naħa l-oħra. Is-santwarju mill-isbaħ tal-Madonna tar-Rużarju ta’ Pompei, li jiddomina l-orizzonti tal-belt storika, huwa mdawwar bil-binjiet li fihom kienu u għadhom jitwettqu sal-lum dawn l-opri tal-ħniena.


Fil-fatt nistgħu ngħidu li l-belt ta’ Pompei saret espressjoni arkitettonika ta’ din is-simbijosi tal-ħajja kontemplattiva fuq naħa u l-ħajja attiva, fuq in-naħa l-oħra.

Din is-sinerġija bejn il-ħajja kontemplattiva u l-ħajja attiva nilmħuha xejn inqas fil-ħajja taż-żagħżugħ, San Pier Giorgio Frassati. Frassati kien ġej minn familja tat-tajjeb fil-belt Piedmontese ta’ Turin. Missieru, ta’ fehma anjostika, kien fundatur tal-gazzetta liberali La Stampa u aktar tard senatur, filwaqt li ommu ma tantx kienet ta’ konvinzjoni reliġjuża b’saħħitha. Madanakollu, Pier Giorgio kien bniedem li jqatta’ perjodi twal ta’ talb f’kamartu, kien jgħid ir-rużarju bosta drabi kuljum, kien ifittex it-tqarbin ta’ kuljum u l-adorazzjoni ewkaristika, kien jitolbu l-uffiċċju ż-żgħir tal-Madonna, kif ukoll kien imsieħeb f’diversi gruppi li jippromovu t-talb. Tant hu hekk, li oħtu stess, Luciana Frassati Gawronska, kitbet illi ommu spiss kienet tinkwieta li binha jsir qassis jew li kien qed jitlef wisq ħin fit-talb. Kienet tfittex lill-katekisti tiegħu jew lil saċerdoti qrib tiegħu u tgħidilhom biex ma jkomplux iħeġġuh għat-talb. Kien minn din l-għajn kontemplattiva, li Frassati beda jrawwem fih spirtu dejjem iżjed attiv u mimli ħrara taż-żgħożija favur il-fqir u l-ħaddiem.


F’dan is-sens Frassati kien bniedem straordinarju. Is-senssibbiltà tiegħu għall-fqar, il-morda u dawk l-aktar minsija fis-soċjetà, il-ħerqa tiegħu biex jaqbeż għall-kawża tal-ħaddiem, ma kinitx imqanqla mill-klima politika-rivoluzzjonarja ta’ żmienu iżda kienet ispirat mill-moviment tad-duttrina soċjali tal-Knisja misjuqa mir-Rerum Novarum tal-Papa Ljun XIII, ippubblikata fl-1891. Tant hu hekk li fil-kunflitti politiċi tiegħu, huwa ħadha saħansitra kontra l-pożizzjoni liberali ta’ missieru. Pier Giorgio, iben il-fundatur prominenti tal-gazzetta La Stampa u s-senatur liberali, ma ddejjaq xejn isir attivist prominenti tal-Azzjoni Kattolika u jaqbeż għall-kawża tal-ħaddiem kontra l-isfruttament ta’ movimenti u ideoloġiji soċjali u politiċi oħrajn li kienu qegħdin jiżbokkaw f’reġimi awtoritarji, bħall-Faxxiżmu ta’ Mussolini.


Il-mewt qasir il-għomor ta’ Frassati, fiha nfisha, hija xiehda ta’ dan l-ispirtu tiegħu. Fil-fatt, Pier Giorgio miet wara mewta qasira iżda kiefra kawża ta’ poliomyelitis li aktarx iddobba mill-ħdima tiegħu mal-morda u l-foqra.


2.     L-Ispirtu ta’ Longo u Frassati llum

Imma x’inhu sewwasew dak li għandu jispirana f’Longo u Frassati llum? Hemm bosta modi kif nistgħu nwieġbu din il-mistoqsija. Iżda hawnhekk jiena interessat f’dak li dawn iż-żewġ Terzjarji Dumnikani jistgħu jgħidu lilna, bħala membri tal-Familja Dumnikana. Naħseb il-fattur l-aktar providenzjali tal-kanonizzazzjoni ta’ dawn iż-żewġ lajċi, membri tal-Ordni tagħna, huwa l-fatt li huma jipprovdu mudell san tal-kontribut li l-Lajk Dumnikan jista’ jagħti lill-Knisja fi żminijietna. Bħala wieħed li jieħu sehem fil-missjoni ta’ predikazzjoni tal-Ordni, il-Lajk Dumnikan huwa msejjaħ biex, fuq il-mudell ta’ Kristu l-Predikatur, isawwar il-ħajja tiegħu jew tagħha f'forma ta' ħajja simbijotika li tgħaqqad il-kontemplazzjoni u l-impenn attiv bl-għan li jippromovi l-iżvilupp sħiħ tal-bniedem u s-soċjetà tiegħu. Il-Lajk Dumnikan huwa bħal Kristu li ħajtu hija kontemplazzjoni kontinwa u assidwa tal-verità u fl-istess waqt impenn kontinwu u assidwu fix-xandir tal-bxara t-tajba, il-qsim tal-kontemplazzjoni tiegħu tal-verità.


            Il-Konċilju Vatikan II offra riflessjoni mġedda dwar l-irwol tal-lajċi fil-Knisja. Fost l-oħrajn innota li l-kuntest li fih jgħixu l-lajċi jikkontrasta ma’ dak tas-saċerodti u r-reliġjużi. Filwaqt li l-kuntest partikolari tal-ministri fl-ordni sagri u r-reliġjużi huwa l-ministeru mqaddes, il-kuntest tal-lajċi huwa propju d-dinja sekulari (saeculum). Fil-Lumen Gentium, il-Konċilju jgħid,


[I]l-lajċi … bis-sejħa proprja tagħhom, ifittxu s-saltna ta’ Alla billi jħaddmu l-ħwejjeġ temporali u jindirizzawhom skont ir-rieda ta’ Alla. Huma jgħixu fid-dinja jiġifieri fl-impjiegi u professjonijiet kollha li jeżistu fid-dinja u f’kull wieħed minnhom, u wkoll fil-kundizzjonijiet normali tal-ħajja familjari u soċjali li magħhom bħal jinsġu l-eżistenza tagħhom. Hemm huma msejħin minn Alla biex, waqt li jagħmlu x-xogħol tagħhom fid-dinja taħt it-tmexxija tal-ispirtu tal-evanġelju, jagħtu sehemhom minn ġewwa, bħalma tagħmel il-ħmira, biex id-dinja titqaddes.[4]


Bartolo Longo kien ispirat biex iwettaq ħidmietu favur l-appostolat tar-rużarju propju minħabba li n-nies ta’ Pompei kienu waqgħu kważi f’superstizzjoni. Pier Giorgio min-naħa l-oħra kien qiegħed jara illi l-ħaddiema bdew jinġarru minn spirtu ta’ rivoluzzjoni li beda jħejji art għammiela għal gvernijiet awtoritarji. Bartolo Longo wieġeb għall-isfida tal-kuntest tiegħu bit-talba tar-Rużarju, dik l-iskola ta’ Marija li tpoġġi quddiem għajnejn in-Nisrani għall-kontemplazzjoni l-misteri l-aktar profondi tal-fidi tagħna. Min-naħa l-oħra, Frassati wieġeb mingħajr biża’ u b’kuraġġ kbir għall-isfida li ħabbat wiċċu magħha hu billi ‘bl-eżempju tiegħu pproklama li l-ħajja mgħejxha fl-ispirtu ta’ Kristu, l-ispirtu tal-beatitudnijiet, hija hienja.’[5] Mhux ta’ b’xejn li meta daħal terzjarju fl-Ordni Duminkan, huwa ħa l-isem tal-profeta Rinaxximentali ta’ Frineze, Girolamo Savonarola. Frassati, b’ħajtu, ta xhieda li l-progress ġenwin għall-iżvilupp tal-bniedem ma jinkisibx bir-rivoluzzjoni ideoloġika iżda bil-ħajja tal-virtù mgħejxa fid-dawl tal-beatitudnijiet. Kif kiteb dwaru, warakollox, it-Teologu Karl Rahner, li kien ukoll ħabib mill-qrib ta’ Frassati,


L-uniċità tiegħu [ta’ Pier Giorgio] tikkonsisti fil-fatt li l-ispirtu ta’ ribelljoni ma kienx fih. Frassat huwa Nisrani, sempliċiment u assolutament b’mod spontaneju … huwa kellu s-saħħa u l-ħila jkun dak li hu, mhux minħabba l-oppożizzjoni tal-ġenerazzjoni tal-ġenituri tiegħu, lanqas minn xi prognosi u dijanjożi tal-kultura ta’ żmienu … iżda mir-realtà Nisranija nfisha: jiġifieri li hemm Alla, li dak li jwetaqqna huwa it-talb, li l-ewkaristija titma’ dak li hu etern fina, li l-popli kollha huma aħwa.[6]


Għax kienu nies intunati, permezz tal-kontemplazzjoni, mal-verità ta’ Alla, Longo u Frassati setgħu jaqraw protefikament is-sinjali ta’ żminijiethom; setgħu jifhmu sewwasew il-qagħda tal-bniedem u tas-soċjetà fil-bidu tas-seklu 20 u ma beżgħux jisfidaw il-konvenzjonijiet familjari, politiċi u soċjali ta’ żmienhom. Huma marru fil-periferiji u, kif għamel Duminku nnifsu warakollox, ma beżgħux jagħmlu għażliet ħielsa li permezz tagħhom ġabu bidliet kbar. Kif kiteb darba t-teologu kbir Dumnikan Yves Congar, ‘Dik id-daqsxejn taħlita ta’ verità u libertà … hija waħda mill-grazzji tal-Ordni Dumnikan.[7]


** Dan l-artiklu kien mogħti bħala diskors minn P. Alan Joseph Adami OP fil-Bażilika ta' Ġesù Nazzarenu, Tas-Sliema, nhar is-7 ta' Novembru 2025, bħala parti miċ-ċelebrazzjoni għall-Familja Dumnikana Maltija fl-okkażjoni tal-Festa tal-Qaddisin kollha Dumnikani.


[1] ST IIa IIae q. 188, a. 6.

[2] Ara ST III, q. 40, a. 1, ad 2.

[3] Ara Ġwanni Pawlu II, Rosarium Virginis Mariae (2002).

[4] Lumen Gentium, 31.

[5] Ġwanni Pawlu II omelija Mejju, 1990.

[6] Karl Rahner, ‘Introduction’ f'Luciana Frassati, A man of the beatitudes: Pier Giorgio Frassati, it-2 ed. (Ignatius Press: San Francisco, 1992).

[7] Yves Congar, 'The Order of Preachers in Today’s World,' Dominican Ashram 3, no. 2 (Ġunju 1984): 52.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page