top of page
20210524T0830-POPE-DOMINIC-MISSION-1248407.jpg

Kostantinopli, Lixandra u Orissa (fl-Indja)

Tagħrif miġbur minn P. Pawl Gatt OP, fil-parti l-kbira tiegħu meħud mill-Arkivju tal-Kunvent ta’ S. Marija tal-Għar, ir-Rabat

Fiż-żmien meta diversi Maltin bdew jemigraw f’postijiet bħal Kostantinopli (illum Istanbul) u wara f’Lixandra u pajjiżi oħrajn tal-Afrika ta’ Fuq, l-Aħwa Dumnikani bdew iħossuhom fid-dmir li jassistu spiritwalment lil dawn ħutna.

F’Kostantinopli, fejn f’xi żmien saħansitra jingħad li kien hemm mat-3,000 Maltin, id-Dumnikani kienu preżenti f’nofs is-seklu dsatax u baqgħu hemm sakemm faqqgħet l-ewwel gwerra dinjija (1914).  Hemmhekk huma kienu jaħdmu flimkien mal-Patrijiet Taljani tal-Provinċja tal-Piemonte.  Fost il-patrijiet li qattgħu xi żmien hemmhekk insibu lil P. Antonin Calafato, lil P. Vinċenz Borg, lil P. Ġordan Micallef li dan, saħansitra, miet hemmhekk ((+1913), P. Gejt Tumas Galea, P. Antonin Bonello u P. Antonin Gatt, Vinċenz Schembri u Fra Marjan Baldacchino.  Kien hemm ukoll P. Manwel Anastasi.  Dan, wara xi żmien kien ġie mitlub mill-Majjistru tal-Ordni biex imur kappillan fost l-emigranti Taljani fl-Amerika ta’ Fuq, fejn fil-fatt, temm ħajtu fl-1915.

Wara l-ewwel gwerra dinjija saru tentativi biex id-Dumnikani Maltin imorru Lixandra, proġett li, sfortunatament falla għal raġunijiet li ma kenux jiddependu mill-patrijiet.   F’Lixandra, dak iż-żmien, jingħad li kien hemm kolonja ta’ madwar 12,000 Maltin.  Kienet saret ħidma ta’ madwar sentejn (1927-1929) biex il-patrijiet jakkwistaw post minn fejn setgħu iwettqu l-pastorali tagħhom.   L-inizjattiva kienet ġiet mill-Majjistru tal-Ordni nnifsu, P. Stanislaw Gillet OP.  Kienu ntbagħtu żewġ patrijiet biex jesploraw il-possibiltajiet eżistenti – P. Bernard Grech u P. Alfons Spiteri.  Dawn, kemm damu Lixandra ħolqu diversi kuntatti u ġew lura b’ħafna tamiet.  Imma l-biċċa twalet, u t-tamiet ta’ akkwist ta’ post u li xi darba setgħu tassew jibdew ħidma hemmhekk, sfumaw fix-xejn.  Din il-missjoni kienet saħansitra s-suġġett ta’ udjenza privata tal-Provinċjal ta’ dak iż-żmien P. Ġużepp Xuereb mal-Q.T. il-Papa Piju XI (12 ta’ Mejju 1929), li, min-naħa tiegħu, stqarr li kien ikun iktar kuntent kieku d-Dumnikani Maltin, minflok ma jmorru Lixandra biex jassistu lill-Maltin, fejn diġa kien hemm diversi saċerdoti oħrajn jagħtu dan is-servizz, imorru qalb l-‘infidili’, bħal, per eżempju ċ-Ċina.  F’kollox, imma, dwar fejn iwaqqfu Missjoni, id-Dumnikani Maltin kellhom joqogħdu għal dak li tiddeterminalhom il-Kongregazzjoni tas-Santa Sede għat-Tixrid tal-Fidi (tagħrif miksub mill-Arkivju tal-kunvent tar-Rabat, Giuliana vol 7, p. 456).

Fil-fatt, nhar is-17 ta’ April 1938, l-Għid il-Kbir, il-Provinċjal P. Gejt Xerri, b’ittra lill-Provinċja  kollha kien ħabbar li l-Kongregazzjoni għat-Tixrid tal-Fidi, kienet qed tassenja lid-Dumnikani Maltin territorju ġewwa l-Indja, fil-Provinċja ta’ Orissa li kienet tifforma parti mill-Vikarjat Apostoliku ta’ Calcutta, fejn setgħu jiftħu l-missjoni tagħhom.   Din l-aħbar, tant mistennija, intlaqgħet b’ferħ kbir mill-Aħwa.

L-Aħwa tal-Provinċja li ntbagħtu biex jiftħu din il-Missjoni l-ġdida kienu: P. Grabiel Bezzina Wilkin, P.Ġwann Dedomenico, P. Ġordan Scicluna u Fra Dumink Farrugia.  L-istess P. Gejt Xerri kien ingħaqad magħhom meta dan spiċċa minn Provinċjal (1939). Miegħu kien mar Fra Ġwann Bonnici. Fis-6 ta’ Frar 1940, imbagħad, żewġ missjunarji oħrajn telqu għall-Indja: P. Ġakbu Buttigieg u P. Bonaventura Aquilina.

Hu b’dan il-mod li l-Kronista tal-kunvent tar-Rabat iddeskriva t-tluq tal-ewwel missjunarji lejn l-Indja:

Nhar it-3 ta’ Ottubru 1938, jum qaddis tas-solennita’ ta’ Santa Tereża tal-Bambin Ġesu’, patruna tal-missjonijiet, fid-9.30 p.m., l-ewwel missjunarji Dumnikani Maltin, P. Grabiel Bezzina Vigarju Provinċjali u superjur tal-Missjoni, P. Ġwann Dedomenico, P. Ġordan Scicluna u Fra Dumink Farrugia, telqu mill-kunvent tagħna tal-Belt Valletta, akkumpanjati minn rappreżentazzjonijiet kbar tal-erba’ komunitajiet tagħna, min-novizzi u l-istudenti , kif ukoll minn folla kbira kollha jgħajtu b’entużjażmu straordinarju....Poplu ferrieħ sellem u bies l-idejn tal-missjunarji l-ġodda huma u jkantaw l-Innu Popolari ta’ San Duminku ‘Kalaroga, Bolonja u Malta’.  L-Istudenti u n-novizzi bdew ikantaw diversi drabi l-Innu tan-Novizzjat.   Il-missjunarji, kommossi, irringrazzjaw u bierku lin-nies li kienu jgħajtu, u filwaqt li għannqu għall-aħħar darba lil ħuthom reliġjużi, irrikmandaw ruħhom bis-sħiħ għat-talb tagħhom.  L-għada, 4 ta’ Ottubru, għal xi 7.30 a.m, l-ewwel missjunarji tagħna telqu lejn l-artijiet tal-missjoni, immexxija mill-Anġli Kustodji u mberkin minn Marija Ssma, San Duminku, u mill-Aħwa kollha li ‘għeru’ għax-xorti tagħhom li jkunu magħżula  biex jaħdmu fl-għalqa missjunarja ‘apud infideles’ (ara Arkivju Kunvent tar-Rabat: Giuliana vol 7, pp.764-5).

Fil-fatt, din il-missjoni wkoll, ma kelliex ħajja twila.   Bejn il-mard, u t-Tieni Gwerra Dinjija, il-missjunarji kellhom jerġgħu lura Malta.  Il-Provinċja kellha tfittex post ieħor fejn tiftaħ il-Missjoni tagħha.

Predikazzjoni: About Us
bottom of page