IMG_3463.jpeg

IL-KOMUNITÀ

Kitba ta' P. Joseph Ellul

“Inħeġġiġkom jien, il-priġunier tal-Mulej, biex timxu sewwa skont is-sejħa li biha kontu msejħin; billi bl-umiltà kollha, bil-ħlewwa u bis-sabar, taħmlu u tħobbu lil xulxin. Ħabirku biex iżżommu spirtu wieħed bir-rabta tas-sliem”(Ef. 4:1-3).

 

Dak kollu li ngħad s’issa ma jistax iseħħ jekk bħala pedament ma jkollokx ħajja komunitarja b’saħħitha. Fir-Regola ta’ Santu Wistin insibu din it-twissija:

L-ewwel ħaġa, li minħabba fiha intom inġbartu flimkien hi li fil-kunvent tgħixu għalenija, biex ikollkom ruħ waħda u qalb waħda fil-Mulej.

 

Ma’ dan il-Kostituzzjonijiet tagħna jistqarru li “din l-għaqda għandha sseħħ, mhux biss fil-kunvent, iżda wkoll f’rabta mal-provinċja u mal-Ordni kollu kemm hu.”[1]

Fit-tradizzjoni Nisranija l-ħajja komunitarja, sew jekk hija familja u sew jekk hija komunità reliġjuża, hija msejħa biex tkun xbieha tal-Knisja, sew fil-missjoni tagħha f’din il-ħajja u sew fil-milja tagħha fil-ħajja ta’ dejjem. Hija fuq kollox tweġiba sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet għas-sejħa ta’ Ġesù hekk kif kienet imsejħa biex tgħixha l-ewwel komunità Nisranija: “Il-kotra l-kbira ta’ dawk li emmnu kienu qalb waħda u ruħ waħda.”[2]

Fid-dawl ta’ dak li nsibu fir-Regola ta’ Santu Wistin, il-professjoni reliġjuża tagħna tagħmilna membri ta’ komunità li għandha bħala ideal it-twettiq tal-misteru tal-Knisja: “Bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu… Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed membru tiegħu.”[3] F’dan il-ġisem hemm “diversi doni… diversi ministeri… diversi ħidmiet.”[4] Dan il-kunċett kellu qawwa kbira fil-Medjuevu u serva bħala qafas li fuqu ssawret l-istruttura tal-Ordni. Li tħaddan u tgħix il-ħajja komuni minn dejjem kienet tfisser tkun minn issa ċittadin tal-“Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida… l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.”[5] Is-sema kien ix-xbieha ta’ dak kollu li l-bniedem kellu jixxennaq u jaħdem biex jikseb: l-għaqda ma’ Alla. Il-ħajja komunitarja kienet meqjusa bħala t-tweġiba f’din il-ħajja għal din ix-xewqa li ssib il-milja tagħha fil-ħajja ta’ dejjem.

In-natura tal-komunità reliġjuża tingħaraf mill-għan li għaliha twaqqfet. Fil-każ tal-Ordni tagħna dan il-għan hu l-predikazzjoni. Minħabba f’hekk il-kunventi tagħna huma essenzjalment Sacra Praedicatio – il-Predikazzjoni Qaddisa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Ta’ min jagħti daqqa t’għajn lejn dak li nsibu miktub fl-Atti tal-Kapitlu Provinċjali tagħna li kien sar fl-2005:

 

Il-predikazzjoni tagħna hija l-ewwel u qabel kollox proġett komunitarju. Il-komunità bħala Sacra Praedicatio hija l-pedament li tnebbaħ u ssaħħaħ kull inizjattiva tal-predikatur. Din bl-ebda mod ma toħnoq l-inizjattiva tal-individwu. Għall-kuntrarju hija tagħtiha tifsira fil-kuntest tal-missjoni tagħna bħala Ordni tal-Predikaturi. Proprju minħabba f’hekk, sa mill-ewwel żminijiet tal-Ordni, il-predikatur li kien joħroġ jipprietka kien jaf li l-appostolat tiegħu kien qiegħed ikun mitmugħ mill-komunità li qiegħda tħares l-ambjent li jwassal għall-frott mixtieq fil-predikazzjoni tiegħu. Fil-komunità, imbagħad, l-individwi jgħaqqdu flimkien il-ħidma u r-riżorsi tagħhom għas-servizz tal-Kelma.[6]

 

           

Mhux ta’ b’xejn li s-soċjologu Léo Moulin (1906-1996) iddeskriva t-twaqqif tal-Ordni tal-Predikaturi bħala “katidral tad-dritt kostituzzjonali”.[7] Imma dan il-katidral huwa wieħed li x-xogħol fuqu għadu għaddej. Min-naħa l-oħra l-Ordni jikseb l-istabbiltà tiegħu permezz tal-Kapitli li huwa jlaqqa’ kemm fuq bażi konventwali kif ukoll fuq dawk provinċjali u ġenerali. Dawn jgħinu biex iżommu sħiħ l-identità u l-missjoni tal-Ordni.

           

Il-Beatu Ġordan jagħtina ħjiel interessanti dwar din il-karatteristika “Dumnikana”. Huwa u jikteb dwar it-twaqqif tal-Ordni l-awtur jistqarr dan li ġej:

 

L-isqof tad-djoċesi ta’ Ruma sema’ t-talba tagħhom (i.e., tal-isqof Folko u ta’ San Duminku) u ħeġġeġ lil fra Dumink biex jerġa’ jmur ħdejn ir-reliġjużi tiegħu biex flimkien magħhom jieħu deċiżjoni sħiħa, u bil-kunsens tagħhom ilkoll jagħżel regola diġà approvata…

Meta l-Konċilju (Lateran IV) għalaq u reġgħu lura, huwa qal lill-patrijiet x’kien wissieh il-Papa. Minnufih il-predikaturi tal-ġejjieni għażlu r-regola ta’ Santu Wistin, il-predikatur magħruf, u magħhom żiedu għalihom infushom osservanzi aktar iebsa dwar l-ikel, is-sawm, l-irqad u l-ilbies tas-suf…[8]

 

           

Ħafna huma dawk li f’din is-silta jlimħu l-għeruq ta’ dik li llum insejħulha demokrazija. Filwaqt li wieħed ma jistax jiċħad dan l-element demokratiku fl-Ordni, fil-fehma tal-awtur Dumnikan Jean-René Bouchet (1936-1987) ikun aktar qrib is-sewwa li wieħed juża terminu aktar “ekkleżjali”, jiġifieri l-konċiljarità. Dan it-terminu nsibuh ħafna għal qalb it-tradizzjoni tal-Knejjes tal-Lvant, iżda li hu preżenti ħafna wkoll fost il-kittieba spiritwali medjevali tal-Punent. It-terminu konċiljarità jiġbor fih kemm il-kunċett ta’ demokrazija kif ukoll dak ta’ “fehma waħda tal-qlub” (concordia) imnebbħa mill-Ispirtu s-Santu (conspiratio), kif ukoll qbil perfett fl-imġiba (conformitas). It-tlieta li huma juru li Alla huwa preżenti, u li hu jnebbaħ id-deċiżjonijiet ta’ dawk li nġabru f’ismu.[9] Dawn l-istess elementi jsibu l-espressjoni tagħhom fil-wegħdiet tal-ubbidjenza, tas-safa, u tal-faqar.

 

Il-ħajja Dumnikana għandha l-mod partikulari tagħha kif tħares lejn il-wegħdiet reliġjużi. Hija tqishom bħala proġett komunitarju u tindirizzahom lejn it-twettiq tal-għan tal-Ordni.

 

Jiena nwiegħed ubbidjenza…

Il-vot tal-ubbidjenza huwa essenzjali għall-ħajja komunitarja. Fejn mhemmx ubbidjenza mhemmx ħajja komunitarja. L-Appostli ħallew kollox biex imxew wara Kristu, u mxew warajh billi qagħdu għat-tmexxija tiegħu. Fi ħdan il-komunità tal-Appostli l-ubbidjenza lejn il-Mulej kellha regola waħda: “Fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja ta’ Alla.”[10]

           

Fit-Tradizzjoni tal-Punent, u fil-każ tagħna, fir-Regola ta’ Santu Wistin, l-ubbidjenza qiegħda għas-servizz tal-għaqda fil-komunità. Fil-ħajja Dumnikana hija sottomissjoni għall-Kelma ta’ Alla kif imwassla mir-Regola[11] u l-Kostituzzjonijiet li fihom jiġbru l-punti ewlenin tal-ħajja appostolika. Għalhekk l-ubbidjenza fil-ħsieb tal-Ordni hija essenzjalment komunitarja; hija twassal il-membri tal-komunità lejn l-istess ġid komuni.[12] Dan ifisser tqiegħed l-interessi tal-komunità qabel l-interessi personali:

 

Infatti fil-professjoni tagħna nistqarru ħaġa waħda biss, jiġifieri l-ubbidjenza lejn il-Majjistru tal-Ordni u s-suċċessuri tiegħu, skont il-liġijiet tal-Ordni tal-Predikaturi. B’hekk isseħħ l-unità tal-Ordni u tal-Professjoni, għax tiddependi mill-għaqda sħiħa mal-kap, li lilu kulħadd hu fid-dmir li jobdi.[13]

           

Min-naħa l-oħra l-ubbidjenza tal-membri titqiegħed fil-kuntest tal-awtorità bħala servizz. Dwar dan il-Kostituzzjonijiet huma ċari:

Billi l-Ispirtu s-Santu jħares il-Knisja bi grazzji u doni speċjali, is-superjuri waqt li jużaw is-setgħa tagħhom, għandhom josservaw tajjeb xi kwalitajiet sbieħ u speċjali jkolhom ir-reliġjużi. B’hekk huma jkunu jistgħu jiġġudikaw u jordnaw dawk il-ħwejjeġ li fl-Ordni tagħna jitqanqlu mill-Ispirtu s-Santu matul iż-żminijiet skont il-ħtieġa tal-Knisja.

Meta s-superjuri jkunu qegħdin iħabirku biex titwettaq ir-rieda t’Alla u jaħdmu għall-ġid tal-komunità, skont kif jgħid Santu Wistin fir-regola, m’għandhomx iqisu ruħhom bħala ħakkiema minħabba s-setgħa, imma bħala qaddejja li jgħożżu l-imħabba. Huma għandhom jirsistu biex jieħdu mis-sudditi tagħhom xogħol magħmul mill-qalb, u mhux soġġezzjoni servili.[14]

           

Kif jirrimarka tajjeb Bouchet, fil-kuntest Dumnikan, kuntrarju għal dak monastiku, il-mudell tal-ħajja komunitarja hija l-Knisja, filwaqt li għal tal-aħħar il-mudell hija l-iskola. Huwa biss f’komunità ta’ formazzjoni (novizzjat jew studentat) li l-ħajja komunitarja titqies bħala “l-iskola ta’ Ġesù Kristu”.[15]

Is-Safa

Aħna u ngħixu din il-wegħda rridu nħarsu ruħna minn żewġ estremi mill-aktar perikulużi. L-ewwel wieħed jixhed kontra l-mentalità tal-lum li biha l-bniedem ma jitqiesx bħala sħiħ u matur jekk jiċċaħħad mill-att sesswali, u b’hekk il-wegħda tas-safa tista’ tispiċċa titqies bħallikieku xi kundanna għal għomrok. L-estrem l-ieħor hu l-każ meta l-ħarsien tas-safa ssir ossessjoni tant li ġġagħalna ninqatgħu mir-realtà tal-ħajja u nispiċċaw niżvugaw il-ħtiġijiet sesswali tagħna fil-Liturġija.

           

Is-safa huwa don ta’ Alla li kien hu li ħabbna l-ewwel. Huwa mbagħad att ta’ mħabba u fedeltà lejn Kristu li sejħilna biex nimxu warajh. Jekk ma nħarsux lejha b’dan il-mod din il-wegħda tispiċċa ssir kastig.

 

Min jagħżel li jgħix ħajja kollha kemm hi kkonsagrata lil Alla huwa mistenni li jgħixha b’ħeġġa u jkun eżempju ħaj ta’ qdusija. Irid jgħix l-għażla tiegħu b’mod li jkun xhud tal-imħabba li għandu Ġesù għalina lkoll. Bl-ebda mod m’għandna nqisu l-ħajja ta’ safa kkonsagrat bħala ċaħda tas-sejħa naturali għaż-żwieġ. Min jistmerr iż-żwieġ qiegħed imur kontra l-fidi Nisranija. Kemm-il darba l-Knisja kkundannat din l-attitudni li tqisha bħala ereżija.[16] San Ġwann Griżostmu jtenni li “l-istmerrija taż-żwieġ hi fl-istess waqt nuqqas ta’ ġieħ għall-verġnità; it-tifħir taż-żwieġ hu t-tkattir tal-ġieħ li jixraq lill-verġnità.”[17] Fuq kollox, il-wegħda tas-safa torbot ukoll lill-miżżewġin li jwiegħdu lil xulxin fedeltà għal dejjem.

 

Li tidħol issir membru ta’ komunità reliġjuża jfisser impenn dejjiemi li tkun dixxiplu ta’ Ġesù b’mod l-aktar qawwi billi ssir membru ta’ familja ddedikata għas-servizz tiegħu skont il-ħsieb tal-fundatur jew fundatriċi. Biex jintlaħaq dan il-għan min jidħol għall-ħajja kkonsagrata huwa mgħejjun mill-fatt li jgħix f’komunità fejn il-membri jgħinu lil xulxin biex jinkiseb dak li wieħed waħdu ma jasalx għalih. Barra minn hekk, il-ħajja kkonsagrata fi ħdan komunità tfisser ħajja ta’ servizz għall-ġid tal-Insara kollha u sinjal qawwi ta’ xhieda ta’ dak li għamel u għallem Ġesù. Ix-xhieda li jagħtu l-persuni kkonsagrati li jgħixu f’komunità hija stedina għal kull Nisrani biex jagħraf aktar is-sejħa li jagħmel Ġesù biex nimxu warajh. Dan kollu jfisser li s-safa (bħall-wegħdiet l-oħra) mhuwiex għan fih innifsu iżda mezz effettiv biex, fil-każ tal-Ordni tal-Predikaturi, dan iwettaq il-missjoni tiegħu tal-predikazzjoni u s-salvazzjoni tal-erwieħ.

 

Is-safa ma jagħmilniex anqas umani, anzi jurina li l-fedeltà lejn Kristu tfisser li taċċetta d-dgħufija tiegħek filwaqt li tagħraf il-grazzja ta’ Alla. Ma nistgħux insibu eżempju aħjar ta’ umanità minn San Duminku nnifsu u dak li stqarr fuq is-sodda ta’ mewtu:

Frattant f’Bologna ġiet marda qalila fuq il-majjistru Duminku li wasslitu fi tmiem il-pellegrinaġġ tiegħu. Inxteħet fis-sodda, sejjaħ tnax minn fost il-patrijiet l-iżjed prudenti, u beda jwissihom biex jitħeġġu u jmexxu l-Ordni ’l quddiem u jibqgħu sħaħ fil-qdusija. Fetħilhom ukoll għajnejhom biex jaħarbu l-familjarità man-nisa, l-aktar jekk ikunu żgħażagħ, ħalli ma jkunx hemm min jaħseb ħażin fihom, għax dan il-ġens iħajjar ħafna u għandu l-ħila jdaħħal fin-nassa lill-erwieħ li jkunu għadhom ma ssaffewx bħal fil-forn minn ħmieġhom (Is 1:25). “Araw,” qalilhom, “sa issa l-ħniena ta’ Alla ħarsitni mit-taħsir fil-ġisem; b’danakollu nistqarr li ma ħlistx minn din l-imperfezzjoni, jiġifieri, li kont inħossni iżjed għalqalbi nitkellem man-nisa żgħażagħ milli man-nisa xjuħ.”[18]

Il-Faqar           

Dwar din il-wegħda tajjeb li nkomplu naqraw x’kiteb il-Beatu Ġordan dwar dak li fuqu ftiehmu San Duminku u sħabu hekk kif dan tal-ewwel reġa’ lura Toloża wara l-Konċilju Lateran IV:

Ftiehmu wkoll u riedu li ma jkollhomx proprjetà, biex il-ħsibijiet tal-ħwejjeġ tal-art ma jfixklulhomx il-ħidma tal-predikazzjoni, iżda għoġobhom jibqgħu jżommu biss il-renti.[19]

Din id-deċiżjoni rridu nħarsu lejha fil-kwadru tat-twissija li kien ta l-isqof Diegu fil-Konċilju ta’ Montpellier. L-Albiġiżi kienu qegħdin jiġbdu lejhom ħafna nies proprju għaliex kienu jippreżentaw id-duttrina tagħhom taħt il-libsa tal-faqar li kienu jgħixu. Il-proprjetà ma kinitx biss preokkupazzjoni żejda li tfixkel il-missjoni tal-predikazzjoni, iżda kienet nuqqas ta’ xhieda effettiva għax-xandir tal-Bxara t-Tajba fl-eqqel tal-ġlieda kontra l-Albiġiżi. Dan ifisser li l-ideal tal-faqar fil-ħsieb ta’ San Duminku ma kienx riżultat ta’ żvilupp fil-ħsieb duttrinali tiegħu, imma frott tal-esperjenza li għadda minnha. Il-fatt hu li l-ewwel Aħwa ddeċidew li “jibqgħu jżommu biss ir-renti”. Għalhekk il-leġislazzjoni tal-Ordni dejjem għażlet il-moderazzjoni f’dan ir-rigward mingħajr ma kkompromettiet il-missjoni appostolika tagħha.

 

Dan narawh ċar ħafna mill-mod kif San Tumas t’Aquino kien iħares lejn il-prattika tal-wegħda tal-faqar. Fit-trattat Contra impugnantes Dei cultum et religionem, miktub fl-1256, huwa kiteb li t-talb bieb bieb kien mod ta’ dħul sekondarju għal kunvent Dumnikan. Dan għandu jaqla’ l-għajxien tiegħu (victue et vestitus) l-ewwel u qabel kollox minn dak jipprovdi għall-ħtiġijiet spiritwali permezz tal-predikazzjoni u t-tagħlim. Għal din il-ħidma l-aħwa jirċievu l-paga (merces) li l-fidili huma marbuta li jagħtuhom (debitum).[20] Din l-osservazzjoni ta’ San Tumas tagħtina dawl dwar il-bidla soċjali li kienet qiegħda sseħħ fi żmienu.

 

Aktar tard, f’waħda mill-Quaestiones Quodlibetales, huwa jissokta jitħaddet dwar dan il-punt. Fil-Quodlibet I (q. 7 art. 2) huwa jistqarr li l-essenza tal-perfezzjoni hija l-karità li tgħaqqad lill-bniedem ma’ Alla. It-tliet wegħdiet reliġjużi huma tħejjija (praeambulum et preparatorium) kif ukoll strumenti tal-perfezzjoni (perfectionis instrumenta).[21] Huwa diġà kien tħaddet dwar dawn iż-żewġ prinċipji fil-Contra impugnantes kif ukoll fis-Summa contra gentiles. Huwa jdawwal l-argument tiegħu bis-saħħa ta’ test li ħa minn San Ġlormu: Pietru ma qalx biss, “Aħna ħallejna kollox”, imma magħha żied, “u ġejna warajk” (et secuti sumus te).[22] Għal San Tumas għalhekk, l-oġġett tal-perfezzjoni mhuwiex il-faqar imma li timxi wara Kristu li sejjaħlek għal warajh. Meta timxi wara Kristu jfisser timita l-ħajja u l-passjoni tiegħu, u din tikkonsisti fil-predikazzjoni, fit-tagħlim, kif ukoll fil-kura pastorali (in sollicitudine praedicandi, docendi et curam habendi).[23]

Fit-trattat Contra doctrinam retrahentium a religione, miktub fl-1271 jew 1272, huwa jagħmel meditazzjoni dwar il-faqar ta’ Kristu. Il-ħajja kollha ta’ Kristu fuq din l-art kienet ikkaratterizzata bil-faqar u din il-kundizzjoni hi marbuta b’mod li ma tinħall qatt mal-persuna u t-tagħlim tiegħu. Dan il-faqar laħaq il-qofol tiegħu fuq is-salib fejn tneżża’ għarwien u s-suldati qassmu bejniethom ilbiesu. Matul l-istorja l-għera u l-faqar tal-Mulej kienu mħaddna minn dawk li minn rajhom għamlu l-wegħda tal-faqar biex jimxu wara “l-għera tas-salib,” u l-aktar (praecipue) minn dawk li ċaħdu l-ġid u d-dħul mill-proprjetà (possessiones et redditus).[24] Biex ifisser dan l-ideal San Tumas jikkwota qawl ta’ San Ġlormu li kien magħruf ħafna fost il-movimenti tas-seklu tnax: nudum Christum nudus sequi, “timxi għeri wara Kristu għeri”.[25]

Ta’ min hawnhekk jistaqsi: Min huma dawk li jiċħdu l-ġid u d-dħul mill-proprjetà? Hawnhekk San Tumas jistqarr li kemm il-ġid u kif ukoll id-dħul jagħtu dik is-sigurtà finanzjarja li tmur kontra il-karattru tal-Ordnijiet (hekk imsejħa ‘mendikanti’) li huma mitluba jaqilgħu l-għajxien tagħhom permezz tal-kura tal-erwieħ u l-istudju.[26] Imkien fl-Iskrittura ma nsibu li Kristu kellu proprjetà immobbli.[27] Min-naħa l-oħra, San Tumas ma jgħidx li Kristu ma kellu xejn. Kien hemm il-kaxxa komuni.

Aktar tard, fis-Summa Theologiae, San Tumas jistqarr li Ordni ddedikat għall-kontemplazzjoni u għall-predikazzjoni irid ikollu l-minimu neċessarju biex iwettaq din il-missjoni. Hawnhekk huwa ma jsemmix il-bini stess tal-kunventi, il-knejjes u l-kotba, għaliex aktarx il-ħtieġa li wieħed ikollu dawn il-ħwejjeġ ma baqgħetx aktar ikkontestata.[28] Huwa jissokta jistqarr li Kristu għallem din is-sura ta’ faqar bl-eżempju ta’ ħajtu (hoc Dominus, pauperitatis institutor, docuit suo exemplo). Prova ta’ dan huwa li hu flimkien mal-Appostli kellhom kaxxa komuni li kien jieħu ħsiebha Ġuda.

 

San Tumas jilħaq il-qofol tal-argument tiegħu fit-Tertia Pars fejn isostni li wieħed ma jkunx qiegħed imur kontra l-wegħda tal-faqar jekk huwa jaċċetta (accipiendo) mingħand ħaddieħor il-ħwejjeġ li jeħtieġ. Hawnhekk huwa jirreferi għan-nisa li kienu jimxu wara Kristu u d-dixxipli u jaqduhom minn ġidhom.[29] Biex isaħħaħ l-argument tiegħu huwa jirreferi għal dak li kiteb San Ġrolmu meta fisser li “kienet drawwa komuni fost il-Lhud, u ma kinitx tqajjem suspetti, li n-nisa, skont drawwa qadima tal-poplu, minn ġidhom imantnu u jipprovdu l-ħwejjeġ lill-imgħallmin tagħhom. Iżda, minħabba li din id-drawwa kienet toffendi lill-pagani, San Pawl innifsu warrabha.[30] Fi kliem ieħor, dak li n-nisa kienu jagħtu ma kienx għotja lil tallab, iżda skont id-drawwa tal-Lhud, ħlas lill-imgħallem tagħhom.

 

Naturalment San Tumas japplika dan kollu għall-Ordni tal-Predikaturi li l-membri tiegħu, bħal Kristu, m’għandhomx ġid jew dħul iżda bħal Kristu wkoll, għandhom id-dritt li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-predikazzjoni u t-tagħlim.

 

Din il-viżjoni tal-faqar hekk kif imfissra minn San Tumas tinsab minquxa fil-Kostituzzjonijiet tagħna:

Għalhekk bil-professjoni tagħna aħna nwiegħdu ’l Alla li ma jkollna xejn bi dritt bħala proprjetà tagħna personali, iżda kollox ikun tal-komunità, u nużawh bl-ordni tas-superjur għall-ġid komuni tal-Ordni u tal-Knisja.

Għalhekk ħadd mir-reliġjużi ma jista’ jżomm bħala proprjetà tiegħu ebda ġid, jew flus, jew qligħ ieħor li b’xi mod jiġi f’idejh, iżda għandu jħalli kollox għall-komunità.[31]

Minn dan kollu li għadu kif ingħad jidher ċar li, għalkemm kull reliġjuż jagħmel dawn il-wegħdiet personalment, dawn tal-aħħar irridu nħarsu lejhom fil-kwadru tal-ħajja komunitarja u tax-xhieda li hija msejħa biex tagħti. Il-wegħdiet ngħixuhom bħala komunità għax il-missjoni tagħna hija waħda komunitarja.

Il-ħajja komunitarja fis-soċjetà tal-lum

F’soċjetà fejn l-istess ħajja bdiet titlef it-tifsira tagħha, fejn il-wegħdiet ta’ mħabba bejn raġel u mara saru jfissru biss żewġ firem fuq kuntratt li mbagħad jista’ jitħassar, fejn id-dritt għall-ħajja diċenti u dinjituża jieqaf meta inti ma tibqax tkun produttiv, fejn ir-rispett lejn l-awtorità kemm fid-dar kif ukoll fil-pubbliku ddgħajjef, il-ħajja reliġjuża tagħna bħala komunità ta’ predikaturi trid tkun xhieda u fl-istess waqt sfida. Hawnhekk tajjeb li nagħmlu tagħna dak li stqarr il-Beatu Ġwann ta’ Verċelli (m. 1283) f’waħda mill-ittri tiegħu lill-Ordni:

Ix-xofftejn li jxandru l-Evanġelju u l-idejn ikkonsagrati għandhom jinżammu ’l bogħod mill-ħwejjeġ tal-art li l-bniedem il-qadim ifittex. B’hekk kull min iħares lejkom jara biċ-ċar li l-Mulej għażilkom minn din id-dinja, u l-kliem tagħkom ikun fuq il-ħwejjeġ tas-sema, mhux fuq dawk tal-art, biex tfissruhom aħjar u tagħtu xhieda aqwa tagħhom. U biex ix-xhieda toħroġ minn fommkom mimlija bil-verità u l-fedeltà, il-qawwa tal-għemil tagħkom għandha tkun mera ċara tas-safa ta’ qalbkom u s-sewwa ta’ kliemkom, biex ħadd ma jkun jista’ jgħid li l-għemil tagħkom ma jaqbilx ma’ kliemkom, għax inkella x-xhieda tal-fatti tagħkom iġġib fix-xejn il-qawwa u s-saħħa tal-predikazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-frott tas-smigħ; u dan ikun ta’ ħsara liema bħalha.[32]

Il-ħajja tagħna flimkien tisaħħaħ fit-tifsira tagħha jekk inkunu aħna nfusna li nagħtuhielha. Il-komunitajiet tagħna huma msejħa biex iwieġbu għall-isfida li għamel San Pietru: “Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom.”[33] Is-soċjetà tal-lum għaddejja minn kriżi ta’ fidi għax fl-istess waqt hija għaddejja minn kriżi ta’ tama. Jekk il-komunitajiet tagħna qegħdin hemm biss biex jeżistu u mhux biex ikunu komunitajiet ħajjin, inkunu qtajna qalbna mill-missjoni tagħna u nkunu ħallejna lilna nfusna nitkaxkru mal-kurrent tal-indifferenza li jwassal għad- disperazzjoni.

 

Fl-1981 il-filosfu Alaisdair McIntyre ħareġ ktieb bl-isem ta’ After Virtue. Fih huwa immagina xenarju li jseħħ wara katastrofi u sensiela ta’ diżastri ambjentali li għalihom in-nies jibdew jagħtu t-tort lix-xjenzati. Dawn iwasslu għal moviment li jasal biex jeqred kull ħjiel ta’ kultura. Jitwaqqaf għal kollox it-tagħlim tax-xjenzi fl-istituti edukattivi, l-laboratorji kollha jinqerdu u magħhom il-kotba kollha tax-xjenza. Ix-xjenzati jinqatlu jew jintefgħu l-ħabs. Wara ħafna żmien jinbet moviment bil-ħsieb li jqajjem mill-ġdid ix-xjenza, imma kulma jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu huwa biċċiet ta’ karti ta’ teoriji li m’għandhom x’jaqsmu xejn waħda mal-oħra. Din l-allegorija għamilha biex ixebbahha mal-ħajja morali li għal dawn l-aħħar tliet mitt sena nqatgħet mir-rivelazzjoni. Li għandna llum mhuwa xejn għajr fdalijiet ta’ dak li darba kien diskors morali li jgħaqqad is-soċjetajiet tagħna. Fl-għeluq tal-ktieb huwa jgħid li bħalissa aħna qed ngħixu fi żminijiet ġodda ta’ dlam u li neħtieġu San Benedittu ieħor.

Mingħajr ma naqa’ f’diskors li jista’ jitqies bħala “partiġġjan”, naħseb li llum neħtieġu wkoll eżempji ta’ qaddisin oħra. McIntyre ħareġ dan ix-xogħol tiegħu daqs tletin sena ilu. Illum, bil-mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni m’għandniex inkunu biss nies li “jippreservaw” il-fidi u l-morali, imma li nxandruhom minn dan l-areopagu l-ġdid li jeżisti. San Duminku sfida lis-soċjetà ta’ żmienu li kellha bħala l-areopagu tagħha l-pjazez u l-btieħi tal-universitajiet. Il-komunitajiet tagħna għandhom ikunu komunitajiet ta’ komunikazzjoni f’kull sens tal-kelma, aktar u aktar illum meta feġġet dinja ta’ komunikazzjoni virtwali parallela mad-dinja tar-realtà ta’ kuljum.

 

Hienja dik il-komunità li tagħraf tħaddan il-missjoni tagħha bil-ferħ u twassalha b’konvinzjoni fid-djar permezz tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni.

 

Hienja wkoll dik il-komunità li tikkomunika ruħha bħala komunità ta’ talb. Jekk huwa minnu l-qawl li “l-familja li titlob flimkien tibqa’ flimkien”, kemm aktar għandu jkun minnu għall-komunitajiet tagħna, aħna li m’għażilniex lil xulxin iżda Kristu għażilna bit-tajjeb u bl-istramberiji tagħna?

 

Hienja wkoll dik il-komunità li l-membri tagħha għandhom il-ħila jitgħallmu mingħand xulxin waqt il-ħin li jqattgħu fir-refettorju għallanqas daqskemm jitgħallmu waqt l-ħin li jqattgħu fil-bibljoteka jew fil-klassi.

 

Hienja wkoll dik il-komunità li fiha kull membru jagħraf il-ħtieġa tal-korrezzjoni prudenti u fl-istess waqt soda. L-umiltà ġġagħalna nżommu saqajna mal-art u nifhmu aktar il-ħtieġa tal-grazzja ta’ Alla.

 

Hienja wkoll dik il-komunità li fiha kull membru jagħraf li l-ħidma tiegħu mhijiex monopolju tiegħu, iżda parti integrali minn proġett komunitarju, fejn il-komunità mhijiex mezz biex tasal għall-għan tiegħek, iżda l-ambjent li jiffurmak u li l-ħin kollu tissokta tgħin biex jinbena.

 

Fl-aħħar nett, hienja wkoll dik il-komunità li fiha kull membru jista’ jistqarr “din hija dari”, “hawnhekk posti”, fejn l-orarju ma jitqiesx bħala rabta mar-rutina tax-xogħol imma bħala mezz fejn il-ħajja kontemplattiva u dik appostolika jingħaqdu f’att kontinwu ta’ tifħir lil Alla.

[1] Kostituzzjonijiet tal-Ordni tal-Predikaturi, L-Ewwel Taqsima: Il-Mixja wara Kristu, Kap. I: Il-Konsagrazzjoni tar-Reliġjużi, Artiklu I – Il-Ħajja Komuni.

[2] Atti 4:32; ara wkoll Atti 2:44.

[3] 1 Kor 12:12.27.

[4] 1 Kor 12:4.

[5] Apk 21:2.3.

[6] Atti tal-45 Kapitlu Provinċjali tal-Provinċja ta’ San Piju V tal-Ordni tal-Predikaturi (3-23 Ġunju 2005), Provinċja Dumnikana Maltija, 2005, p. 17 n. 24.

[7] Léo Moulin, Le monde vivant des religieux, Calman-Lévy, Paris 1964, p. 114.

[8] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, L-Ewwel Żminijiet ta’ l-Ordni tal-Predikaturi (Traduzzjoni u noti ta’ Val. V. Barbara), Pubblikazzjonijiet Dumnikani, Malta 1991, nn. 41-42, p. 17.

[9] Jean-René Bouchet, San Domenico: la passione dell’annuncio, Città Nuova Éditrice, Roma 1999, p. 52.

[10] Mt 6:33.

[11] Ara Regola, IV.

[12] F’dan il-kuntest il-ġid komuni jfisser l-orjentamenti reliġjużi u appostoliċi tal-komunità u għalhekk din għandha post ċentrali.

[13] Kostituzzjonijiet, Artiklu II: L-Ubbidjenza, n. 17 § II.

[14] Ibid. n. 20 § II u III. Ara wkoll Regola, IV.

[15] Ara Bouchet, op. cit., p. 90.

[16] Fost is-setet li kienu jqisu ż-żwieġ bħala ħażin insibu lill-Montanisti, lill-Manikej, u lill-Albiġiżi. Dawn kollha kienu kkundannati mill-Knisja.

[17] San Ġwann Griżostmu, De virginitate 10, 1 meħud mill-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nru. 1620; ara Ġwanni Pawlu II, Familiaris consortio, nru. 16.

[18] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 92, pp. 33-34.

[19] Beatu Ġordan ta’ Sassonja, op. cit., n. 42, p. 17.

[20] Contra impugnantes Dei cultum et religionem, kap. 7.

[21] Quodlibet I q. 1 art. 2 ad 2.

[22] Ara Contra impugnantes, kap. 1; Summa contra gentiles III, kap 133.

[23] Comm. super Matth. 19:21

[24] Contra retrahentes, kap. 15.

[25] Dan il-qawl insibuh imsemmi wkoll fil-kitbiet tal-Beatu Ġordan ta’ Sassonja kif ukoll f’dawk tal-Beatu Umbertu ta’ Romans.

[26] Ara W. A. Hinnebusch, The History of the Dominican Order vol. I, Origins and Growth to 1500, Alba House, New York 1966, pp. 145-168.

[27] Contra retrahentes, kap. 15: “Numquam autem Dominus legitur possessiones habuisse.”

[28] Ara Summa Theologìae IIa IIae, q. 188, art. 7.

[29] Ara Summa Theologìae III, q. 40, art. 3 ad 2. Ara wkoll Lq. 8:2-3; Mk. 15:40-41

[30] Ara San Ġlormu, In Mattheum, 4 <27:55>; CCSL 77:277.

[31] Kostituzzjonijiet, Artiklu IV: Il-Faqar, n. 32 § I u II.

[32] Ara Proprju tal-Ordni tal-Predikaturi: Liturġija tas-Sigħat, Provinċja Dumnikana Maltija, Malta 1988, p. 434.

[33] 1 Pt 3:15.