Image by Rafaela Biazi

Il-Brażil

Tagħrif meħud, fil-parti l-kbira tiegħu, minn ktejjeb ta’ P. Anġlu Mamo OP, Ħa Ngħidilkom Storja..., CKD 1992. 

 * P. Anġlu Mamo kien missjunarju l-Brażil bejn l-1964 u l-2008

Fil-fatt, P. Gejt Xerri, wara li ħadem bħala missjunarju fl-Indja u, meta għalqet din, fis-Sirja, (qabel kien mar diversi drabi l-Alġerija jipprietka l-Eżerċizzi tar-Randan lill-Maltin u lit-Taljani), fl-1948 dan mar il-Brażil biex jaħdem mal-patrijiet tal-Provinċja ta’ Bolonja (Italja) fl-Istat ta’ Goias.   Ftit snin wara żewġ patrijiet oħrajn P. Isnard Farrugia u P. Dumink Ebejer (li fl-1977 sar Isqof tad-Djoċesi ġdida Uniao da Vitoria), marru wkoll il-Brażil. Dawn xtaqu li l-Provinċja jkollha missjoni proprja tagħha. 

Kien fl-1961 li ntgħażel l-Istat tal-Parana’, fin-Nofsinhar tal-Brażil, biex jitwaqqaf il-Vikarjat San Martin ta’ Lima.  Il-patrijiet bdew iservu f’parroċċi fqar u bla saċerdoti bħalma kienu dawk ta’  Borrazopolis u Faxinal fid-Djoċesi ta’ Londrina.  Kienu parroċċi kbar ħafna – darbtejn u tliet darbiet ikbar minn Malta – u kienu fqar ħafna, b’diversi komunitajiet imxerrdin mat-territorju kollu.  Il-patrijiet indunaw mill-ewwel li ma kienx biżżejjed li tqaddes, tqarar u tamministra s-sagramenti l-oħra. Kien hemm bżonn ukoll li jaħsbu għall-evanġeliżżazzjoni u għall-edukazzjoni ta’ wlied il-poplu, bil-bini ta’ knejjes, ċentri pastorali u skejjel.   Fl-1967, il-patrijiet kellhom iħallu l-parroċċa ta’ Borrazopolis, u minflok, daħlu f’parroċċa oħra f’Matinhos – post tas-sajd li, fis-sajf, il-popolazzjoni tiegħu kienet tiżdied bil-kbir billi kienu jiġu nies minn kull parti tal-Istat u mill-Brażil.  Parroċċi oħrajn li ħadu l-patrijiet maż-żmien kienu dawk fil-bliet ta’ Curitiba, Ponta Grossa u Londrina. 

Kienu diversi l-patrijiet Maltin li  fuq medda ta’ ħamsin sena ħassew is-sejħa missjunarja u offrew l-aħjar żmien ta’ ħajjithom  fil-ħidma f’dan l-ikbar pajjiż Kattoliku tad-dinja.  Fil-fatt jgħoddu mat-tletin il-patrijiet u fratelli koperaturi  li qattgħu  xi żmien minn ħajjithom f’din il-Missjoni.   Kien hemm żmien ukoll meta l-preżenza tad-Dumnikani Maltin bdiet tiġbed lejha żgħażagħ li wrew il-ħajra li jissieħbu magħhom kif fil-fatt għamlu.

Imma billi fil-Brażil kienu qed jaħdmu wkoll Dumnikani Brażiljani, fi Provinċja għalihom, kif ukoll Taljani mill-Provinċja ta’ Bolonja, maż-żmien bdiet tinħass il-ħtieġa, u beda jidher iktar f’waqtu, li d-Dumnikani kollha jingħaqdu fi Provinċja waħda li kellha titwieled mill-entitajiet eżistenti.   Fil-fatt fl-1998 twieldet il-Provinċja Bartolome’ de las Casas.

 

L-aħħar Dumnikani Maltin li baqgħu jaħdmu l-Brażil kienu P. Ġwann Xerri O.P. u l-E.T. Mons Walter D. Ebejer O.P.  li t-tnejn mietu u ndifnu  hemmhekk bħall-ewwel Dumnikan Malti li qatt kien mar il-Brażil P. Gejt Xerri O.P.   P. Ġwann miet vittma tal-Covid-19 nhar il-31 ta’ Mejju 2021 filwaqt li Mons Ebejer miet nhar il-11 ta’ Ġunju 2021 fl-età ta’ 92 sena.