top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Riċensjoni: ‘Xejn ħlief lilek, Mulej’: San Tumas t’Akwinu; Ħajtu u Ħsibijietu




Il-filosfu Franċiż Jacques Maritain (1882-1973) darba kien qal hekk: ‘San Tumas t’Akwinu mhuwiex relikwa taż-żminijiet Medjevali, oġġett biss tal-istudju tal-istorja u tal-erudizzjoni, imma huwa fis-sens kollu tal-kelma, l-appostlu taż-żminijiet tagħna.’ Naħseb dan kien l-għan li għalih P. Joseph Ellul OP qiegħed jagħtina dan il-ktieb fuq San Tumas t’Akwinu f’għeluq is-seba’ mitt sena mill-kanonizzazzjoni tiegħu, li seħħet nhar it-18 ta’ Lulju 1323 mill-Papa Ġwanni XXII f’Avignon. Dan il-Papa stqarr, fil-jum tal-kanonizzazzjoni, li San Tumas ‘plus illuminavit ecclesiam, quam omnes alii doctores (huwa dawwal lill-Knisja iktar mill-għalliema l-oħra tagħha kollha)’, u minħabba f’hekk il-Papa Piju V iddikjarah Duttur tal-Knisja fil-11 t’April tal-1567.


I

Il-ktieb ta’ Patri Ellul iġib l-isem: ‘Xejn ħlief lilek, Mulej’: San Tumas t’Akwinu; Ħajtu u Ħsibijietu. L-awtur jispjega għaliex għażel dan it-titlu fil-Kelmtejn Qabel fejn jgħid li:


Din hija stqarrija minn fomm San Tumas innifsu. Jingħad li darba Fra Dumink ta’ Caserta, li kien is-sagristan tal-kappella tal-kunvent Dumnikan ta’ Napli … ra lil dan il-qaddis jitlob f’estażi bid-dmugħ f’għajnejh quddiem xbieha ta’ Kristu Msallab li tinsab fl-istess kappella. Huwa staħba wara kolonna biex josserva x’kien qiegħed jiġri. Jingħad, f’ħin minnhom, li Kristu Msallab tkellem u qal lil Tumas: ‘Sewwa ktibt dwari, Tumas. Xi ħlas tixtieq għall-ħidma tiegħek?’ Fra Dumink jistqarr li t-tweġiba kienet: ‘Domine, non nisi Te’ (‘Xejn ħlief lilek, Mulej’). Din it-tweġiba tiġbor fiha l-ħajja u l-ħidma kollha ta’ dan il-qaddis.


Il-Qoxra tal-Ktieb. Disinn ta' Ryan Bezzina

L-immaġni ta’ dak li għadda bejn Tumas u Kristu Msallab insibuha fil-qoxra ta’ quddiem tal-ktieb, li hija pittura tal-artist Taljan Santi di Tito (1536-1603) li ġiet magħmula fl-1593, u li llum tinsab fil-Mużew ta’ San Marco ġewwa Firenze.

Patri Joseph diġà tana diversi kotba fuq l-Ordni tal-Predikaturi matul is-snin li għaddew (dawn jidhru fin-Nota Bijografika fl-aħħar tal-ktieb tiegħu), bħal: Faħħar, Bierek, Xandar: l-Għan, il-Ħajja u l-Ħidma tal-Ordni tal-Predikaturi (2013); Mur u Xandar!: Ħsibijiet dwar l-Ordni tal-Predikaturi (2016); u żewġ bijografiji, waħda fuq San Vincenz Ferrer (2019) u l-oħra fuq San Duminku (2020). Issa huwa qiegħed itina dan l-aħħar ktieb tiegħu fuq San Tumas t’Akwinu, maħruġ f’għeluq is-sena 2022, u li hu ppubblikat mill-Pubblikazzjonijiet Dumnikani. B’hekk huwa kompla jagħni t-tradizzjoni twila li l-Ordni tal-Predikaturi f’Malta ilu jibni għal mijiet ta’ snin fejn jidħlu l-pubblikazzjonijiet ta’ kotba. Nistgħu ngħidu li din hi l-ewwel pubblikazzjoni bijografika dettaljata bil-Malti li nsibu fuq San Tumas t’Akwinu.

San Tumas t’Akwinu (1225-1274), bla dubju, huwa wieħed mill-imħuħ il-kbar li pproduċa l-Ordni tal-Predikaturi matul l-istorja twila tiegħu (fuq medda ta' tmien mitt sena 1216-2023) u li l-influss tiegħu għadu jinħass saħansitra anki fi żminijietna. Ċertament il-Knisja xorbot mit-tagħlim tad-Duttur Anġeliku kif jistqarr tant tajjeb il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-enċiklika tiegħu Fides et Ratio (1998) meta jikteb: ‘Il-Knisja, fi tmiem is-seklu għoxrin , setgħet tagħmel użu jiswa ħafna mit-tagħlim ta’ kotra kbira ta’ filosfi u teologi, li ġew iffurmati fl-iskola tad-Duttur Anġeliku’ (par.58) ... ‘Ħassejt il-ħtieġa kemm-il darba li nitkellem biex intenni wkoll is-siwi tal-fehmiet ta’ San Tumas u ninsisti fuq l-istudju tat-tagħlim tiegħu’ (par.61).

Iż-żminijiet li għex fihom San Tumas fis-seklu tlettax, kienu żminijiet imqallba ħafna, kemm għall-Knisja u anki għas-soċjetà ċivili. Id-Duttur Anġeliku kien bniedem mhux biss ta’ intelliġenza kbira imma wkoll ta’ moħħ miftuħ u prattiku għall-kurrenti intellettwali u għall-problemi ta’ żmienu. Huwa għaraf is-sinjali taż-żminijiet u pprova permezz tar-riflessjoni għall-verità jdawwal fejn kien hemm l-iżball.

Huwa kellu għarfien kbir kemm tal-Kotba Mqaddsa, u dan jidher mill-kummentarji li kiteb fuq diversi kotba tal-Iskrittura u anki tal-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja, kemm dawk Latini u Griegi, fosthom Santu Wistin, San Ġlormu, San Ġwanni Kriżostmu, San Bażilju l-Kbir u San Girgor ta’ Nissa.

Il-kobor tiegħu jidher f'li huwa għaraf jidħol fi djalogu mal-għorrief u awturi Griegi, Rumani, Lhud, Għarab u Nsara u b’hekk jagħmel sintesi tal-għerf uman u dak divin kif insibuh fl-Iskrittura Mqaddsa, u li jasal biex jissodisfa lir-raġuni tal-bniedem. Din il-ħidma San Tumas għamilha b’għaqal kbir, anki fl-iktar kwistjonijiet diffiċli u delikati li ttratta, b’kompetenza sħiħa f’kull qasam ta’ xjenza li daħal fih. Għalih ir-raġuni u l-fidi mhumiex kontra xulxin imma huma kumplimentari għal xulxin.

San Tumas jesponi l-għerf tiegħu fin-numru kbir ta’ kitbiet li ħalla warajh (li jlaħħqu mat-8 miljun kelma!) u li għenu fil-bini tat-teoloġija Kattolika. Ta’ min isemmi l-kapulavuri tiegħu is-Summa Theologiae u s-Summa contra Gentiles. Fis-Summa Theologiae, li tiġbor fiha 1.5 miljun kelma, għandna sintesi sistematika tat-teologija Kattolika. Fiha jikkwota diversi ħassieba fosthom lil San Pawl (l-appostlu), lil Aristotli (il-filosfu), lil Averroes (il-kummentatur), lil Pietru Lombardu (il-majjistru), u lil Santu Wistin (it-teologu). Dan ix-xogħol Tumas kitbu għall-istudenti Dumnikani li kienu qed jitħejjew biex isiru predikaturi. Għalhekk Tumas jinqeda bil-filosofija u t-teoloġija biex jipprovdi trattat sistematiku li jibda minn Alla u l-ħolqien tiegħu (Prima pars), ikompli fil-bniedem u l-aġir tiegħu (Seconda pars) u jispiċċa fl-Iben t’Alla inkarnat u r-redenzjoni li seħħet permezz tiegħu (Tertia pars).

Imma barra li kien għaref, Tumas kien ukoll qaddis (aspett fundamentali li forsi ħafna drabi ninsewh!) li ħalla lil Alla jmexxih tul ħajtu kollha. Ma nistgħux nifirdu l-ħajja spiritwali tiegħu mill-ħajja akkademika. Ċertament, il-kitbiet li ħallielna huma wkoll frott tar-relazzjoni intima li kellu m’Alla; huma frott tat-tradizzjoni Dumnikana u l-importanza li tagħti lill-istudju u l-kontemplazzjoni. Fil-fatt San Tumas jistieden lil dawk kollha ta’ rieda tajba li fehmu li l-għajn tal-għerf u tal-fidi huwa Alla, biex imorru għandu jekk iridu jsibu l-verità. Naħseb li dan hu l-għan prinċipali li għalih inkiteb il-ktieb li għandna f’idejna llum, kif itenni Patri Ellul fil-preżentazzjoni tiegħu ta’ San Tumas.


II

Il-ktieb jiġbor fih mija u sebgħa u għoxrin paġna, u hu maqsum f’żewġ partijiet ewlenin: l-ewwel parti, minn kapitlu wieħed sa sebgħa, tittratta l-ħajja ta’ San Tumas, mentri fit-tieni parti, minn kapitlu tmienja sa ħdax, insibu l-ħsibijiet tal-awtur tal-ktieb fuq temi differenti li jikteb fuqhom id-Duttur Anġeliku. Qabel l-ewwel parti tal-ktieb, insibu id-Dedika tal-Awtur, il-Kelmtejn Qabel, mill-awtur stess, u d-Daħla mill-Provinċjal Patri Vincent Micallef OP. Wara t-tieni parti nsibu l-Bibljografija u n-Nota Bijografika fuq l-awtur tal-ktieb.

Fl-ewwel seba' kapitli, li jagħmlu l-ewwel parti tal-ktieb, l-awtur jagħtina il-ġrajjiet ewlenin li mmarkaw il-ħajja ta’ San Tumas. Huwa jimxi b’mod kronoloġiku mit-tfulija saż-żgħożija fejn Tumas iħaddan l-Ordni tal-Predikaturi (kapitlu 1); imbagħad isegwi l-istudji tiegħu f’Pariġi u f’Cologne (kapitlu 2); isir għalliem tal-Iskrittura Mqaddsa ġewwa l-università ta’ Pariġi (kapitlu 3); u jissokta l-ħidma tiegħu f’Orvieto fejn jibda jikteb ix-xogħlijiet tiegħu (kapitlu 4); f’Ruma wkoll jgħaddi xi żmien jgħallem u jibda jikteb ix-xogħol kapulavur tiegħu is-Summa Theologiae (kapitlu 5); huwa jerġa’ jirritorna Pariġi fejn jiddefendi bil-qawwa lill-Ordnijiet Mendikanti kontra l-għalliema sekulari li ma ħamlux jaraw lill-Patrijiet Minuri u l-Predikaturi fuq il-katedra tal-università ta’ Pariġi (kapitlu 6); imbagħad l-attività ma taqta’ xejn, kemm fit-tagħlim u fil-kitba u anki fil-vjaġġi twal u strappazzużi li kellu jagħmel, u li qatgħu ħesrem il-ħajja tiegħu f’età litteralment żgħira għax fil-fatt hu ma kienx għalaq il-ħamsin sena meta ħalla din id-dinja (kapitlu 7).

Fit-tieni parti tal-ktieb, insibu erba’ kapitli li jittrattaw il-ħsibijiet tal-awtur fuq erba’ temi interessanti jiġifieri: id-Djalogu ta’ Tumas mal-kultura Iżlamika (kapitlu 8), li hi tant għal qalb l-awtur u li tagħha huwa espert; l-element mistiku f’San Tumas (kapitlu 9); San Tumas bħala l-poeta tal-Ewkaristija (kapitlu 10); u r-rilevanza tad-Duttur Anġeliku għal żminijietna (kapitlu 11). Il-kapitli 9 u 10 juru li San Tumas ma kienx sempliċiment mitluf biss f’ħidma intellettwali, imma li din il-ħidma kienet il-frott tal-għaqda li kellu m’Alla. Kif jgħid id-Dumnikan Irlandiż Paul Murray, San Tumas għex ħajja ta’ talb imdawla mill-Kelma t’Alla, li għenitu biex isawwar l-isbaħ poeżiji u innijiet fuq l-Ewkaristija li għadhom jgħaxxqu lil min jismagħhom. Fil-fatt kif jgħidilna Gulliermu ta’ Tocco (c.1250-c.1325), l-ewwel bijografu tiegħu, ‘l-Ewkaristija kienet iċ-ċentru ta’ ħajtu, b’tali mod li kien jintilef fil-kobor ta’ dan il-misteru meta kien ikun fuq l-altar.’

Fil-ktieb insibu numru ta’ noti li jidhru fin-naħa t’isfel tal-paġni li ttieħdu minn diversi għejjun li kkonsulta l-awtur fil-kitba tiegħu u li jgħinu lill-qarrej jifhem iktar il-kuntest u l-kitbiet ta’ Tumas. Fil-bibljografija qasira li nsibu lejn l-aħħar tal-ktieb insibu żewġ awturi li huma studjużi kbar tad-Duttur Anġeliku: id-Dumnikan Franċiż Jean-Pierre Torrell u d-Dumnikan Skoċċiż Fergus Kerr. Dawn taw kontribut kbir biex il-kitba ta’ San Tumas tiġi mifhuma aktar fi żminijietna. Il-pubblikazzjonijiet ta’ għexieren ta’ studji fuq il-kitbiet ta’ San Tumas juru kemm dak li kiteb ħafna minnu għadu jgħodd għaż-żminijiet tal-lum. L-istampi li nsibu fil-bidu ta’ kull kapitlu jagħmlu l-ktieb iktar interessanti u dekorat, u b’tipa li tinqara faċilment; il-ktieb għandu qoxra iebsa u preżentazzjoni tajba ħafna.


III


P. Raymond Gatt OP waqt ir-riċensjoni mogħtija fit-tnedija tal-ktieb

Jien kont ġejt imqabbad mill-awtur biex naqra it-test kollu tal-ktieb qabel ma ġie ppubblikat, u anki nikkoreġi xi għeltijiet tal-Malti. Patri Ellul għandu kitba mexxejja, b’Malti tajjeb ħafna u li tispjega b’mod ċar il-ġrajja bijografika tal-għaref Tumas. Anki meta jidħol fil-kwestjonijiet li ħabbat wiċċu magħhom id-Duttur Anġeliku, l-awtur dan jagħmlu b’mod loġiku u ċar. Mhux faċli li wieħed jagħti stampa komplessiva ta’ ħajjet Tumas, li kienet tant movimentata u mimlija daqs bajda f’mija u għoxrin paġna. Fuq kollox Patri Ellul jgħinna niftħu l-aptit li nkomplu nfittxu fuq iż-Żmien Medjevali li għex fih Tumas, fejn fost l-oħrajn insibu t-twelid tal-aqwa universitajiet tal-Ewropa, u niskopru l-kobor ta’ dan l-għaref Medjevali li tant fadallu x’jgħid anki għal żminijietna.


Għal dawk li se jiġu f’kuntatt għall-ewwel darba ma’ San Tumas, dan il-ktieb hu introduzzjoni tajba; għal oħrajn diġà familjari, ħa jkun eżerċizzju tajjeb biex ikomplu jibnu fuqu. Fuq kollox skont l-opinjoni tiegħi, l-awtur irnexxielu jwassal stampa sabiħa tal-qaddis mingħajr l-ebda tiġbid u tiżjin, imma b’mod sempliċi, dik il-virtù li tant kien jammira San Tumas.

Fl-aħħar nett nagħlaq dawn il-kelmtejn b’dak li kien kiteb il-Papa San Pawlu VI fl-Ittra Appostolika Lumen Ecclesiae, u li bagħat lill-Majjistru tal-Ordni Dumnikan Vincent de Cousnongle fl-20 ta’ Novembru 1974, f’għeluq is-7 ċentinarju mill-mewt tiegħu, fejn stqarr li ‘San Tumas huwa dawl għall-Knisja u għad-dinja kollha. Huwa jrid jiġi meqjum mhux biss bħala ġenju u għalliem kbir tal-passat imma wkoll għar-rilevanza kontinwa tal-prinċipji, it-tagħlim u l-metodu tiegħu.’ Għalhekk inħeġġiġkom biex dan il-ktieb ta’ P. Joseph Ellul isib postu fil-librerija tagħkom fost kotba oħra ta’ awturi kbar insara.


Nota editorjali: Il-ktieb qed jinbiegħ għall-prezz ta' €10 u jista' jinkiseb mill-Kunventi Dumnikani kollha f'Malta u mil-libreriji Kattoliċi ewlenin f'pajjiżna.



Mumenti mit-tnedija tal-pubblikazzjoni l-ġdida li saret nhar it-Tlieta 7 ta' Frar 2023 fis-Sala Dumnikana, il-Birgu.

Opmerkingen


Post: Blog2_Post
bottom of page