top of page

Riċensjoni: Riflessjoni fuq Kristu, Knisja 2000 nru.152

  • Writer: P. Raymond Gatt OP
    P. Raymond Gatt OP
  • Jul 23
  • 3 min read
ree
Għalkemm għaddew ’il fuq minn elfejn sena Ġesù Kristu għadu sal-ġurnata tal-lum jiġbed miljuni ta’ nies lejh.  X’hemm f’Ġesù li għadu jiġbed dan l-interess kollu fih?  Ċertament l-erba’ Evanġelji jixhdu, li dak li għallem Ġesù lin-nies ta’ żmienu huwa wettqu fil-ħajja qasira tiegħu. Din kienet ir-raġuni li għaliha huwa kien jiġbed in-nies lejh u li anki llum l-interess fih għadu ħaj fost il-bnedmin. L-ikbar karatteristika li spikkat f’Ġesù kienet l-imħabba bla tarf lejn l-umanità u din hu wrieha meta ħalla ħajtu fuq is-salib.

     X’għallem Ġesù?  It-tagħlim ta’ Ġesù nsibuh fl-Evanġelji ta’ Mark, Mattew, Luqa u Ġwanni. F’Mattew insibu ħames diskorsi ta’ Ġesù li jiġbru t-tagħlim tiegħu fejn l-iktar famuż huwa dak li jissejjaħ id-Diskors tal-Muntanja f’kapitli 5-7 li hu gabra fil-qosor tal-ħajja Nisranija. Mod kif Ġesù kien iwassal il-messaġġ tiegħu kien permezz tal-parabboli li nsibuhom imxerrdin fl-Evanġelji Sinottiċi u li huma meħudin mill-ħajja tal-Palestina. Bi kliem sempliċi Ġesù kien iwassal il-kelma tal-ħajja lis-semmiegħa tiegħu li kienu jmorru bil-ħeġġa ħalli jisimgħuh.  Permezz tal-parabboli Ġesù wera minn hu tassew Alla l-Missier (Lq 15:11-32) li qiegħed il-ħin kollu moħħu fil-bniedem biex jagħmillu l-ġid; min-naħa tiegħu l-bniedem irid juża l-kapaċitajiet tiegħu biex jgħix ħajja xierqa fuq l-art (Mt 25:14-30). 

     Fil-ġiri tiegħu fil-bliet u fl-irħula Ġesù kien jiltaqa’ ma’ kulħadd, ibda mit-tfal sal-kbar; mal-fqar u l-għonja; mal-morda u l-midinbin; man-nisa u l-irġiel ta’ kull età; ma dawk li kienu semmiegħa tiegħu u le; mal-ħbieb u mal-għedewwa; mal-Pubblikani u l-Fariżej; mal-Lhud, Samaritani u Griegi. Dan juri kemm kien bniedem soċjevoli li ma ħalla ’l-ħadd barra mill-ħarsa tiegħu. Ghal din il-missjoni salvifika, Ġesù ġie mħallas bl-iktar mewt kiefra tat-tislib u li qagħad għaliha bħal ħaruf meħud għall-qatla. Il-qawmien tiegħu fetħet xenarju totalment ġdid fl-istorja tal-umanità: Ġesù Rxoxt wera lilu nnifsu lill-Appostli tiegħu u ħalla l-Knisja, li hi l-ġisem mistiku tiegħu, biex tkompli tkun sinjal u qaddejja tal-imħabba tiegħu fid-dinja.

     Għadu jagħmel sens Ġesù Kristu llum?  Matul dawn l-elfejn sena l-Knisja baqgħet tirrifletti fuq il-persuna ta’ Ġesù Kristu tant li l-Evanġelju ta’ San Ġwann jagħlaq b’dawn il-kelmiet: ‘Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù.  Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom li kienu jinkitbu’ (21:25). 

     L-20 ta’ Mejju 2025 huwa jum sinifikanti għall-Knisja għaliex qiegħed jiġi mfakkar l-1700 sena mill-ftuħ tal-Konċilju Ekumeniku ta’ Niċea fis-sena 325 WK.  Dan kien l-ewwel konċilju ekumeniku li tlaqqa’, fejn għalih kienu attendew l-Imperatur Kostantinu l-Kbir u skont Ilarju ta’ Poitiers kien hemm mat-318-il isqof tal-Knisja ta’ dak iż-żmien. Il-Konċilju ta’ Niċea tlaqqa’ biex jiġu diskussi temi duttrinali u l-missirijiet konċiljari riedu jaslu li jiddefenixxu d-duttrina li Ġesù Kristu kien tassew Alla u bniedem. Matulu ġie mfassal il-Kredu tal-Knisja li ġie mitmum u proklamat fl-ewwel Konċilju ta’ Konstantinopli fis-sena 381 WK. Dan il-Kredu stqarr it-twemmin Nisrani fuq it-Trinità u fuq min hu tassew Ġesù Kristu. 

     Dan l-anniversarju ta’ Niċea ħabat ukoll mal-Ġublew tat-Tama li bdieh il-Papa Franġisku u se jtemmu l-Papa Ljun XIV. Matul din is-sena l-Knisja se tirrifletti fuq it-tema: ‘Ġesù Kristu huwa t-Tama tagħna’.  Hawn il-mistoqsija tqum: wara elfejn sena, aħna bħala Nsara se nkomplu niskopru u nimxu wara Ġesù Kristu?  Hu stess qalilna li mingħajru ma nistgħu nagħmlu xejn u li hu tassew it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja tagħna. Biex inkomplu nagħmlu dan, f’din il-ħarga tar-rivista Dumnikana Knisja 2000, se ssibu numru ta’ artikli li huma riflessi fuq il-persuna ta’ Kristu.  Niddedikaw din il-ħarġa lill-Monisjur Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona OP, li mar jiltaqa’ mal-Mulej fit-18 ta’ Marzu 2025.


Min jixtieq jakkwista kopja mitbugħa ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page