Riċensjoni: Pier Giorgio Frassati: Xhieda ta' Qdusija Żagħżugħa
- Editor

- Oct 6
- 1 min read

Il-missjunarju Dumnikan Malti, P. Bernard Caruana OP ippubblika ktieb bl‑Albaniż dwar il‑qaddis żagħżugħ lajk Dumnikan, Pier Giorgio Frassati, li ġie kkanonizzat mill‑Papa Ljun XIV nhar is‑7 ta’ Settembru 2025.

F’dan il‑ktieb, P. Bernard jagħtina il‑bijografija ta’ Pier Giorgio Frassati (1901‑1925), li
tħares lejn il‑ħajja dan iż‑żagħżugħ Taljan tal‑għaġeb, li tant żgħażagħ qed isibuha ta’ ispirazzjoni. Frassati, li l‑motto qawwi tiegħu kien “Irrid ngħix ħajti, u mhux sempliċiment ngħaddiha tajjeb,” mhuwiex qaddis li għex ħafna żmien ilu, imma ġuvni impenjat ħafna li dawwar il‑passjonijiet kollha tiegħu, mill‑muntanji sal‑politika, f’servizz Nisrani tassew uniku.
Il‑ktieb juri kemm il‑fidi qawwija ta’ Frassati, ibbażata fuq l‑Ewkaristija ta’ kuljum u t‑talb, bidlet il‑ħajja tiegħu f’missjoni. Għalkemm kien ġej mill‑alta soċjetà ta’ Turin, huwa ddedika ruħu bil‑qalb għall‑foqra u l‑batuti. Sar Terzjarju Dumnikan u saħansitra ħadha bil‑qawwa kontra l‑Faxxiżmu. Eżempju ta’ din id‑dedikazzjoni ta’ Frassati hija x‑xewqa tiegħu li jsir inġinier tal‑minjieri biex ‘jaqdi aktar lil Kristu fost il‑minaturi’. Anke l‑mewt, kemxejn kmieni, ta’ Frassati tixhed hi l‑aħħar prova l‑qalb tajba tiegħu. Frassat miet bil‑poljo, li x’aktarx laqqatha waqt li kien jaqdi lill‑foqra.

F’din il‑pubblikazzjoni, l‑awtur ma joffrix sempliċiment storja, iżda stedina ċara liż‑żgħażagħ tal‑lum biex jgħixu ħajja ta’ fidi ferrieħa, moħħhom miftuħ, u b’karità kbira bħal Pier Giorgio.




Comments