top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Riċensjoni: Il-Virtù tal-Ospitalità, Knisja 2000 nru.143



“Aqsmu ġidkom mal-qaddisin li jinsabu fil-bżonn; ilqgħu f’darkom lill-barranin”

(Rumani 12:13)


Il-kelma ‘ospitalità’ turi kemm relazzjoni u anki kwalità umana bejn il-persuni. Fil-kultura Griega u Latina l-ospitalità kienet tiġi prattikata kemm fuq livell pubbliku u anki fuq dak privat. L-ospitalità kienet tintwera lejn il-bniedem barrani, il-pellegrin u anki saħansitra lejn l-għadu. Għalhekk is-sinifikat ewlieni tal-ospitalità kien li wieħed jilqa’ lill-barrani, itih dak li jeħtieġ għall-ħajja u jekk dan l-għemil jiġi prattikat għal diversi drabi isir virtù.

Jekk nieħdu t-tema tal-ospitalità tal-qedem skont it-Testment l-Antik, għandna diversi eżempji ta’ dan it-tip. Jidher ċar li l-ospitalità tal-poplu Lhudi kienet ir-riżultat tal-fidi li kellu f’Alla li jħobb lill-barrani u li ried li huma wkoll jgħixu din il-virtù. Meta nħarsu lejn l-Evanġelji naraw lil Ġesù Kristu li jospita (Ġw 1:39) u jiġi ospitat fid-djar tal-ħbieb tiegħu (Mk 1:29; 2:15; 14:3). Kif Ġesù kien dipendenti fuq l-ospitalità offruta lilu matul il-missjoni tiegħu, hekk għallem lid-dixxipli biex jimxu fuq il-passi tiegħu (Mk 6:7-13). Sinifikanti hu l-kliem ta’ Ġesù fil-mument tal-ġudizzju: ‘kont barrani u lqajtuni’ (Mt 25:35). Dan it-tagħlim ġie meħud mill-appostli u mwassal fil-predikazzjoni tagħhom, fejn kienu jħeġġu lill-insara biex juru ospitalità fejn kien hemm il-ħtieġa tagħha (1 Pt 4:9).


F’dan l-aħħar żmien l-enfasi fuq l-ospitalità nisranija kienet ukoll imsemmija mill-aħħar papiet, anki quddiem il-fenomenu tal-migrazzjoni.

Matul iż-żminijiet li ġew wara, l-insara baqgħu jieħdu bis-serjetà l-virtù tal-ospitalità, li hi parti mill-karità nisranija. F’dan l-aħħar żmien l-enfasi fuq l-ospitalità nisranija kienet ukoll imsemmija mill-aħħar papiet, anki quddiem il-fenomenu tal-migrazzjoni. Ċertament il-virtù tal-ospitalità titlob preżenza u attenzjoni. Irridu nkunu konxji li mhux biss nuru ħbiberija u nilqgħu lil dawk li naraw spiss f’ħajjitna imma anki li nuru l-istess atteġġjament ma’ persuni oħrajn li huma barranin u li jkunu jeħtieġu l-għajnuna tagħna.


Min irid jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jista jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt O.P. fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page