top of page
  • Writer's pictureP. Raymond Gatt OP

Riċensjoni: Il-Politika u l-Ġid Komuni, Knisja 2000 nru.148


F'din il-ħarġa nsibu kitbitet minn Fr Raymond Gatt OP, Dr Clive Zammit, Professur Mario Thomas Vassallo, Dr Louise Chircop, Dr Michael Grech, Fr Ivan Attard OP, Francesco Frendo, Dr Kurt Xerri u Andrè P. DeBattista.


Fit-trattat tiegħu, ‘Il-Politika’, Aristotli jindirizza l-mistoqsija: kif għandhom il-bnedmin jgħixu flimkien? Il-filosfu Grieg jgħid li huwa evidenti li filwaqt li l-istat huwa kreazzjoni tan-natura, l-bniedem min-natura tiegħu huwa annimal politiku (politikos) (1253a,2); dan għaliex il-bniedem għandu l-kapacità li jgħix m’oħrajn bħalu li għandhom is-setgħa fid-diskors (logos) u l-qawwa tal-intellett fl-għażliet morali tagħhom. Huwa jkompli jgħid li kull stat huwa komunità ta’ bnedmin imwaqqfa bil-ħsieb li jagħrfu t-tajjeb; għalhekk l-istat jew il-komunità politika trid tilħaqq l-ikbar u l-ogħla gid’ (1252a,1-5).


L-għan tal-politika huwa li tmexxi ’l quddiem l-ideali ta’ grupp ta’ nies biex dawn jaslu li jħarsu l-ġid komuni jiġifieri t-tajjeb li hu adattat u milħuq mill-komunità u li hu maqsum bejn il-membri tagħha. Permezz t’hekk il-ħajja umana tingħex u tiġi rispettata b’dinjità kemm fuq livell kollettiv u anki individwali. Dan juri li l-oġġettiv primarju tal-politika, jekk imħaddma tajjeb, hu li jintlaħaq il-ġid komuni li kull socjetà timmira għalih, jiġifieri l-iżvilupp sħiħ tal-komunità u tal-individwu. Dan jitlob impenn minn kull membru li jifforma l-komunità. Iżda dan l-għan mhux dejjem kien faċli li jintlaħaq matul l-istorja u għalhekk il-ħassieba politiċi u soċjali għal mijiet ta’ snin, ma waqfux jiżviluppaw il-ħsibijiet tagħhom biex isibu tweġiba ta’ x’inhu eżatt il-ġid komuni u kif dan jista’ jintlaħaq fis-socjetà f’qafas ta’ sistema politika.


Bla dubju hemm rabta kbira bejn il-ġid komuni u l-politika. Id-dokument Gaudium et Spes, li hu l-frott tal-Koncilju Vatikan II (1962-65), jgħidilna li: Kull grupp għandu jqis il-ħtiġijiet u x-xewqat leġittimi tal-gruppi l-oħra, anzi l-ġid komuni tal-familja kollha tal-bnedmin’ (par.26).  Il-Papa Pawlu VI fl-Ittra Appostolika, Octagesima Adveniens (1971), isostni li, ‘is-setgħa politika, li hija r-rabta naturali u neċessarja biex tassigura l-koeżjoni tas-soċjetà, għandha jkollha bħala għan il-kisba tal-ġid komuni’ (par.46). Dan jitkellem fuqu fi żminijietna l-Papa Franġisku fl-enciklika, Fratelli Tutti (2020), meta jikteb: ‘Biex il-komunità dinjija tista’ tiżviluppa, u tkun kapaċi tasal għall-fraternità billi l-popli u n-nazzjonijiet jgħixu l-ħbiberija soċjali bejniethom, hi meħtieġa l-aħjar politika, imqiegħda għas-servizz tal-veru ġid komuni’ (par.154). Huwa jkompli jisħaqq li, ‘l-kobor tal-politika jidher meta, f’mumenti diffiċli, wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul (par.178). Għal darb’oħra nagħmel stedina biex nivvalutaw mill-ġdid il-politika, li hi l-vokazzjoni l-aktar għolja, hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba, għax tfittex il-ġid komuni’ (par.180).  


Biex il-politika f’demokrazija tkun effettiva fejn jidħol il-ġid komuni tas-soċjetà jrid ikun hemm governanza tajba u li ħadd ma jkun eskluż minkejja l-għajta tal-inklużjoni. Min ikun ġie fdat bit-tmexxija tal-pajjiz, irid imexxi skont il-prinċipji tas-sewwa u dejjem b’sens ta’ servizz għall-poplu kollu biex b’hekk jintlaħaq il-ġid komuni. Il-ġid komuni jintlaħaq billi jkun hemm il-ħarsien tal-liġi u s-saltna tad-dritt; jiġu mħarsin id-drittijiet taċ-ċittadini; tiġi mħaddma ekonomija li tirrispetta u tħares il-ħajja ta’ kull persuna; li jkun hemm regoli fil-postijiet tax-xogħol biex ma jiġux impoġġija fil-periklu l-ħajjiet tan-nies b’mod specjali fejn tidħol l-industrija tal-bini; li jiġi mħares l-ambjent fejn iċ-ċittadini jgħixu, jaħdmu u jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom.



Min irid jakkwista kopja ta’ din il-ħarġa jista' jibgħat email lil Fr. Raymond Gatt OP fuq gattrayop@yahoo.com jew jikteb lil: Knisja 2000, Kunvent Patrijiet Dumnikani, Misraħ San Duminku, ir-Rabat, RBT 2521.

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page