top of page
  • Writer's pictureP. Constantine Mamo

Jum Dinji tal-Ħajja Reliġjuża ġo Tirana, l-Albanija


Il-quddiesa fil-Katidral ta' San Pawl f'Tirana, l-Albanija

Nhar l-Erbgħa, 2 ta’ Frar, l-Arċidjoċesi ta’ Tirana-Durrës iċċelebrat il-Jum Dinji tal-ħajja Reliġjuża, fl-okkazzjoni tal-festa tal-Preżentazzjoni ta’ Ġesù.


Wara nofsinhar, l-Arċisqof il-ġdid, Mons Arjan Dodaj, iltaqa’ mar-reliġjużi kollha, rġiel u nisa, fis-sala tal-kurja. Il-laqgħa bdiet b’mument sabiħ ta’ talb u kant organizzat u mmexxi minn P. Bernard Caruana O.P., u kompliet b’diskors mill-Arċisqof li fih ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ilkoll jaħdmu flimkien ħalli jkomplu jibnu l-komunità djoċesana fi spirtu ta’ Sinodalità kif jixtieq Papa Franġisku. Imbagħad ingħataw xi aħbarijiet u tagħrif ieħor mill-President tal-Kunsill tal-Konferenza Albaniża tas-Superjuri Maġġuri tad-Djoċesi kif ukoll minn Mons. Arċisqof.


Wara din il-laqgħa saret ċelebrazzjoni solenni fil-Katidral ta’ Tirana dedikat lil San Pawl, immexxija mill-Eċċellenza tiegħu Mons. Lazzaro You Heung-sik, mill-Korea, prefett tal-Kongregazzjoni tal-Vatikan għall-Kleru. Iċ-ċelebrazzjoni kienet imħejjija tajjeb ħafna u mmexxija minn P. Geoffrey Bugeja O.P. li hu ċ-ċeremonier tal-Katidral f’dawn iċ-ċelebrazzjonijiet solenni.


Wara li r-reliġjużi kollha preżenti ġeddew il wegħdiet tagħhom, P. Bernard Caruana O.P. għamel pubblikament l-istqarrija tal-fidi u ħa l-ġurament ta’ fedeltà għat-tagħlim tal-Knisja li permezz tagħhom ta bidu uffiċjali għall-missjoni tiegħu bħala Vigarju Ġenerali għad-djoċesi ta’ Tirana-Durrës.


Qabel il-barka tal-aħħar Mons. Lazzaro sellem lill-komunità miġbura u tkellem dwar il-martri f’pajjiżu li ħafna minnhom, matul 100 sena ta’ persekuzzjoni, kienu mid-djoċesi tiegħu, u dwar il-martri albaniżi. Ilkoll li bix-xhieda tagħhom ta’ mħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu li wasslithom għall-martirju, għaqqduna ma’ Ġesù rxoxt.


Wara l-barka tal-aħħar, ir-reliġużi kollha u dawk li ħadu sehem fil-ferħ ta’ din il-ġurnata inġabru għal mument ta’ konfraternizzazzjoni organizzat mill-Konferenza lokali tas-Superjuri Maġġuri. Kulħadd ikkummenta kemm kienet sabiħa u organizzata tajjeb din iċ-ċelebrazzjoni.




67 views0 comments

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page