• P. Constantine Mamo

Duminku u r-Reżurezzjoni



Kitba ta' P. Costantin Mamo OP


F’din l-atmosfera ta’ żmien il-Għid deherli li tajjeb nitkellmu dwar San Duminku u reżurrezjoni. Qed nuża l-kelma reżurrezjoni mingħajr ittra kapitali u mingħajr artiklu apposta sabiex ma nillimitax din ir-riflessjoni għall-qawmien mill-mewt ta’ Ġesu’. Nixtieq inħalli l-immaġinazzjoni tiegħi tiġri biex inħares lejn iż-żewġ kelmiet li huma s-suġġett tar-riflessjoni tal-lum.


L-ewwel ħaġa li tiġini f’moħħi hi li San Duminku kien ‘fan’ kbir tal-appostlu San Pawl. Fra Gwanni minn Spanja, fix-xhieda li ta waqt il-proċess tal-kanonizzazjoni ta’ San Duminku li sar ġewwa Bolonja jgħid li Duminku “kien dejjem iġorr miegħu l-Evnġelju ta’ San Mattew u l-Ittri ta’ San Pawl u kien jistudjahom u li kien jafhom kważi bl-amment” [1].


Jekk San Duminku kellu bħala mudell il-kbir predikatur itineranti li kien San Pawl, żgur li f’moħħu u f’qalbu kienu jidwu l-kliem tal-appostlu: “Aħna nxandru ’l Kristu msallab”[2] “Ma ppretendejtx li kont naf xi ħaġa fostkom, ħlief lil Ġesù Kristu, u ’l dan imsallab”[3].


Fl-istess ħin, naħseb li Duminku kien jiftakar fit-tħabbira tal-anġlu lin-nisa li marru ħdejn il-qabar ta’ Ġesù kif irrappurtat minn San Mattew: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed. U morru malajr għidu lid-dixxipli tiegħu li hu qam mill-imwiet. U araw, huwa sejjer il-Galilija qabilkom: tarawh hemmhekk. Araw, għedtulkom” [4]. Minħabba f’hekk ma nistgħux ninsew li l-predikazzjoni ta’ San Pawl kif ukoll tal-appostli l-oħra, kienet l-aħbar nisranija li “dak li kien imsallab mhux hawn, qam bħalma kien qal.”


Dwar dan San Pawl jitkellem ċar: “Jekk Kristu ma qamx mill-imwiet, fiergħa hi l-predikazzjoni tagħna, u fiergħa wkoll il-fidi tagħkom. U aħna noħorġu wkoll ta’ xhieda foloz ta’ Alla, għaliex inkunu tajna xhieda kontra Alla li huwa qajjem lil Kristu mill-imwiet, filwaqt li ma jkun qajmu xejn, jekk hu tassew li l-mejtin ma jqumux [5]. Hi fiergħa l-predikazzjoni tagħna jekk nieqfu biss fuq l-imsallab! X’aħbar tajba tista’ tkun dik li xxandar biss ir-rebħa tal-mewt? L-importanti tal-aħbar it-tajba hi li l-aħħar kelma tennietha ir-rebħa fuq il-mewt, jiġifieri r-reżurrezzjoni. Imma ma tiqafx hawn! San Pawl jiddikjara b’ċertezza: “Alla stess li qajjem lil Kristu mill-imwiet iqajjem għall-ħajja wkoll il-ġisem mejjet tagħkom, bis-saħħa tal-Ispirtu li jgħammar fikom” [6], u “hekk aħna ngħixu ħajja ġdida” [7].


B’dawn il-kliem tal-appostlu Pawlu u tal-evanġelju ta’ Mattew, kotba tant għeżież għal missierna San Duminku, irrid nindirizza din ir-riflessjoni tiegħi dwar ir-reżurrezzjoni, waqt li inżomm quddiem għajnejja il-mewt u l-ħajja.


Nibda billi nitlob l-għajnuna ta’ ħuna Fra Ġwann minn Fiesole, il-kbir Beato Angelico (mwieled qrib Firenze għall-ħabta tal-1395 u miet Ruma fl-1455). Diversi drabi pitter lil Kristu msallab waqt li jdaħħal il-persuna ta’ San Duminku. Poġġejt quddiemi xi wħud minn dawn il-pitturi biex nara kif pittur qaddis kien jara, jew aħjar kif kien jipproponi għall-komtemplazzjoni tal-aħwa reliġjużi l-figura tal-qaddis Missieru. Minhix kritiku tal-arti, għalhekk mhux ser nagħmel studju artistiku ta’ dawn l-opri iżda napprofitta mill-kundizzjoni ta’ lajk f’dan is-suġġett u se nippreżenta xi mpressjonijiet tiegħi.


Għandi l-impressjoni li wkoll meta jpinġi xeni tal-passjoni mdemmija ta’ Ġesù, il-Beato Angelico jitrażmetti atmosfera ta’ paċi u kalma. Huma ftit in-nies li jieħdu sehem fix-xena; mhemm ħafna dmija u feriti fuq il-ġisem ta’ Kristu, u hemm patri jimmedita jew jitlob. Nemmen li din kienet għażla tal-artista dumnikan. Nimmaġinaha għażla teoloġika aktar milli artistika. Jidhirli li l-artista predikatur ma riedx jikkommovina billi jisħaq fuq il-krudeltà li biha ġie trattat is-Salvatur tagħna. Qisu iżjed ried jippreżentalna l-għotja trankwilla tiegħu nnifsu ta’ Dak li “ngħata biex minn rajh ibati” (kif ngħidu fit-tieni talba Ewkaristika) ried li jingħata lid-dixxipli tiegħu bħala ħobż biex jittiekel u mbid bie jinxtorob. Imbagħad, fuq is-salib Kristu mhux impinġi fit-telqa tal-mewt: hu bil-wieqfa, rebbieħ, għotja u saċerdot fl-istess ħin. L-Imsallab tal-Beato Angelico hu Kristu rxoxt!


Jagħtini l-impressjoni li jrid jistieden l-aħwa biex jagħtu lilhom infushom f’għotja totali bħal dik ta’ Ġesù. Ippermettuli li nfakkar hawn dak li qal Patri Federico Lombardi SJ meta kien direttur tas-Sala Stampa tal-Vatikan fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa tal-2007. Mnebbaħ minn dak li qal Papa Benedittu XVI waqt it-talba tal-Angelus tal-Ħames Ħadd tar-Randan (25 ta’ Marzu) meta fakkar fil-Ġurnata ta’ talb u sawm għall-missjunarji martri li tiġi ċelebrata fid-dinja kollha fl-24 ta’ Marzu, anniversarju tal-qtil tal-Arċisqof ta’ San Salvador, Mons. Oscar A. Romero, Patri Lombardi stqarr li “hi ħaġa sewwa li niftakru f’dawn il-martri għaliex ftit jitkellmu dwarhom, għalkemm huma x-xhieda l-aktar kredibbli tal-fatt li fil-Knisja għadhom tant dawk ix-xhieda tal-fidi f’Ġesù u fl-imħabba lejn Kristu li huma lesti li jagħtu ħajjithom sal-aħħar”.


“Huma bnedmin li ma fittxux il-martirju, sikwit huma vittmi ta’ agressjoni, serq, vjolenza brutali fil-partijiet foqra u minsija tad-dinja, fejn jgħixu u jirreżistu bil-kuraġġ biex iwasslu l-fidi, waqt li jafu bil-periklu li jaqsmu mal-poplu fdat lilhom e li huma jħobbu.”


Huma “Suldati mhux magħrufa” tat-tħabbira gratwita ta’ Alla f’dinja vjolenta. Il-lista ta’ isimhom li jitħabbar kull sena hi twila; ismijiet ta’ saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel, u lajċi. Iżda dil-lista ma ssemmihomx kollha għaliex dawn il-ġrajja ta’ qtil li soltu jiġru fil-postijiet l-aktar riskjużi u vjolenti faċilment jibqgħu fl-anonimat.”


Jidhirli li l-kwadri ta’ Kristu msallab u xeni oħra tal-passjoni mpittra mill-Beatu Angelico jistiednu lill-aħwa għal din l-għotja mhux imfittxija iżda liberament mogħtija. Iżda fejn hu San Duminku? Il-preżenza tiegħu f’dawn il-kwadri tal-qaddis pittur jġagħluni nemmen li din ukoll hi t-teoloġija ta’ Duminku.


Bi tħejjija għal din ir-riflessjoni qrajt ħafna. Fost ħafna kitbiet qrajt studju miktub minn Donna C. Trembinski dwar il-ħajjiet ta’ San Franġisk miktuba mid-dumnikani tal-bidu li għandhom ċerta reżistenza biex jippreżentaw lill-qaddis ta’ Assisi bħala “Alter Christus” (Kristu ieħor) kif anke Papa Gwann Pawlu II sejjaħlu fil-laqgħa li għamel għas-saċerdoti u r-reliġjużi ta’ Assisis matul iż-żjara pastorali li għamel il-Ġimgħa, 12 ta’ Marzu 1982. F’dik l-okkażżjoni il-Papa stqarr li “id-dinja, ukoll ta’ dawk li huma l-bogħod u ndifferenti għall-valutri reliġjużi – tħares b’ammirazzjoni lejn San Franġisk, għaliex tara fih kopja awtentika, fidila u għalhekk kredibbli ta’ Ġesù Kristu.


Iżda, l-ewwel Dumnikani li kitbu l’ħajja ta’ San Franġisk ma tennewhx dan dwar San Franġisk, u dan ma għamluhx minħabba xi “konkorrenza” mal-Patrijiet Minuri biex ma jurux li l-qaddis fundatur tagħhom hu akbar mill-fundatur tagħna. Dan għamluh minħabba “koerenza” għaliex ma jaċċettawx u ma jippreżentawx lil San Duminku bħala “Kristu ieħor”. Għalihom u għalina, il-fundatur tal-Predikatura hu dixxipli li ma jfittixx li jimita lill-Imgħallem, iżda li jikkontemplah, jistudjah u jitolbu li jkun jafu aktar biex ikun jista’ jxandru.


Minix kapaċi nidħol f’diskussjoni fuq dan is-suġġett, iżda jidhirli li l-Beatu Angelico jippreżenta lill-Qaddis Missierna f’din l-attitudni ta’ bniedem kontemplattiv li hu wkoll predikatur.


Qed nistaqsi lili nnifsi: din l-attitudni ta’ San Duminku hi biss ma’ dak li għandu x’jaqsam mal-passjoni u l-mewt tal-Imsallab, jew hi wkoll il-mod kif hu stess kien igħix? It-tweġiba hi li, żgur li Duminku kien igħix skont dak li kien jimmedita dwar Kristu. Kien bniedem koerenti.

Hu ma kienx jibża’ li jbati u li jagħti ħajtu għal ħaddieħor. Kien jaċċetta bil-qalb li jmut, mhux biex ikun ‘bħal Kristu’ iżda jekk hekk kienet titlob minnu l-predikazzjoni u s-salvazzjoni tal-oħrajn. Insemmi biss xi affarijiet li jirrakkuntaw dwar Duminku. Biex nagħmel dan se nserraħ fuq il-Libellus de initio Ordinis Fratrum Praedicatorum miktub mill-Beatu Ġordan minn Sassonia.


Il-Beatu Ġordan jirrakkonta: “Żgur li ma kinetx nieqsa fih dik l-imħabba, l-akbar fost kull virtù, li twassal biex wieħed joffri ħajtu għal ħbiebu. Infatti, darba, filwaqt li kien qiegħed iħeġġeġ wieħed eretiku biex jerġa’ lura fi ħdan ommna l-Knisja, meta dan wieġbu li ġie mġiegħel iħaddan l-ereżija minħabba l-faqar, għaliex l-eretiċi kienu jagħtuh dak kollu li kellu bżonn għall-ħajja u li ma setax jirċievi mingħand ħaddieħor, malajr imqanqal mill-ħniena għalih, mill-fond ta’ qalbu iddeċieda li jbiegħ lilu nnifsu bħala lsir biex minn dak li jaqla’ jeħles mill-miżerja lil dik ir-ruħ li kienet fil-periklu. Żgur li kien jasal li jagħmlu dan kieku l-Mulej, li hu għani lejn kulħadd, ma pprovdiex mod ieħor biex jeħles lil dak ir-raġel mill-miżerja” [8].


Il-Beatu Ġordan jirrakkonta wkoll mumenti li fihom Duminku ġie nsultat u mweġġa’ mill-eretiċi. Biżżejjed insemmu dak li, skont it-tradizzjoni, seħħ matul it-triq li minn Prouilhe tieħu lejn Fanjeaux fi Franza, fil-post fejn illum hemm l’hekk imsejjaħ “is-Salib tal-Assassini”. Il-Beatu Ġordan jirrakkonta li meta San Duminku kien għaddej minn post fejn kien jissuspetta li fih kienu lestewlu xi nasba, baqa’ miexi b’pass ħafif waqt li jkanta. Meta qalu b’dan lill-eretiċi, dawn stagħġbu b’kuraġġ hekk kbir u staqsewh: “Int ma tibżax mill-mewt?” X’kont tagħmel kieku qbadniek?”. Weġibhom: “Kont nitlobkom li ma toqtlunix malajr u biex ittawluli l-martirju tiegħi ... biex b’dan il-mod ... jiena kont nimmerita kuruna akbar”. L-għedewwa tiegħu baqgħu mistagħġbin b’dan il-kliem sinċier u minn dak inhar il-quddiem ma nasbux aktar kontrih” [9].


Fdawn ir-rakkonti ħsibt li ninkludi r-rakkont ta’ meta ferrex l-Ordni, l-ġrajja li seħħet forsi għall-ħabta tal-Pentekoste tal-1217. Il-Beatu Ġordan jirrakkonta li “Wara li talab lill-Ispirtu s-Santu (San Duminku) sejjaħ madwaru lill-patrijiet u għarrafhom li kellu l-intenzjoni li jibgħathom madwar id-dinja minkejja li kienu ftit fin-numru u li ma jżommhomx aktar fit-tul jgħixu flimkien f’dak il-post. Ilkoll stagħġbu meta semgħuh iħabbar deċiżjoni bħal din mhux mistennija...” [10] “L-ewwel spjegazzjoni, mqiegħeda fuq fomm Duminku nnifsu, tolqotna bil-qosor tagħha. Tidher qisha proverbju meħud mill-esperjenza tal-bdiewa u applikat għall-ħajja spiritwali: “Żerriegħa miżrugħa tagħti l-frott, imrekkna titnawwar” [11]. Togħoġobni ħafna din ir-riferenza għall-bdiewa li għandhom kuntatt dirett ma’ din ir-realtà tal-ħajja li hi żerriegħa-żrigħ-ħsad, fi kliem ieħor, ħajja-mewt-reżurrezzjoni.


Sa issa tkellimt dwar tislib u mewt, u l-attitudni ta’ Duminku quddiem Kristu msallab u l-attitudni tiegħu quddiem il-mewt. Fittixt li ngħid li għal San Duminku l-Kurċifiss ma kienx mudell biex wieħed jimitah, iżda mħabba li trid titħabbar u titkattar. Infatti, fl-aħħar diskors tiegħu qabel il-passjoni Ġ qal: “Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu.” [12] Issa nixtieq nirrifletti ftit fuq il-fatt li l-passjoni ta’ Ġesù, li hu aċċetta għax ried, iżda li ma fittixhiex, hija dikjarazzjoni qawwija favur il-ħajja. Jidhirli li ukoll hi l-pożizzjoni ta’ San Duminku. Faċli niftakru li, meta kien għadu student ġo Palenzja biegħ il-kotba tiegħu li kienu prezzjużi ħafna għalih biex iqassam ġidu lill-foqra, li xtaq ibiegħ lilu nnifsu bħala lsir biex jeħles raġel mill-ħakma tal-ereżija, li jingħad li xtaq il-martirju, u tant rakkonti oħra li jagħtu ħjiel li Duminku kien dejjem lest jaċċetta t-tbatija u l-penitenza. Dan ma kienx juri disprezz għall-ħajja la l-ħidma tiegħu kienet biex jikkonvinċi lin-nies biex iħallu l-ereżija li kienet tgħallem li dak li hu spiritwali huwa tajjeb u maħluq minn Alla, u jwarrbu dak li hu materjali bħala ħażin u maħluq minn spirtu ħażin. San Duminku kien jemmen li kull ma jieżisti kien maħluq minn Alla kemm ir-ruħ u kemm il-ġisem, u li għalhekk il-ħlejjaq kollha għandhom jiġu rispettati, nieħdu ħsiebhom, inkattruhom u noffruhom lil Alla bħala radd il-ħajr u lill-bnedmin bħala servizz. Għalhekk, il-ħajja u l-ħidma ta’ Duminku hi wkoll dikjarazzjoni favur il-ħajja. Kieku Duminku kien igħix fi żminijietna ma kienx isibha diffiċli li jxandar b’vuċi għolja li “hu possibbli li nibnu dinja aħjar” ... hu possibbli li jkollna ħajja aktar umana u dinjituża. Kien għal din ir-raġuni li Ġesù sar bniedem u ġie fid-dinja. Dan qalu hu stess: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” [13].

Diġà tajt ħjiel li l-attitudni ta’ San Duminku quddiem il-kurċifiss mhux tant li dak li jkun jiffoka fuq it-tbalija ta’ Ġesù iżda pjuttost li jkun jista’ jħares lejn id-dinja bl-għajnejn tal-Imsallab, fejn hu minxur bħala sinjal tal-akbar imħabba. Paul Murray OP, fil-ktieb tiegħu The New Wine of Dominican Spirituality ifakkar dak li qalet Simone Weil li tiddikjara li l-veru għan tagħna mhux tant li tara lil Ġesù f’kull ħaġa iżda li tara kollox bl-għajnejn ta’ Alla [14]. Paul Murray OP ifakkar ukoll dak li qal il-magħruf teologu Dumnikan, il-Franċiż P. Yves Congar li jikkritika lil dawk li huma tant appassjonati fuq dak li hu Assolut li jsiru ndifferenti għad-dinja u għall-ħolqien [15]. Dan ifakkarna fil-kliem ta’ Ġesù lil Nikodemu, “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” [16].


F’San Duminku din l-imħabba għad-dinja tissarraf f’affarijiet prattiċi. Mingħajr ma nerġgħu nsemmu r-rakkonti li diġa’ semmejna bħalma huma l-bejgħ tal-kotba għeżież għalih li kien jistudja fuqhom, jew li ried ibiegħ lilu nnifsu bħala lsir, insemmi l-għażla li għamel li jibgħat lid-dixxipli tiegħu fl-ibliet meta soltu l-għażla kienet il-ħarba mill-ibliet meqjusin bħala għajn ta’ affarijiet ħżiena. Insemmi wkoll li kien jinkuraġġixxi lil sħabu li kien jibgħathom jippridkaw wkoll meta kienu jħossu li kienu għadhom mhux kapaċi biżżejjed. Ta’ min jiftakar il-kliem ta’ inkuraġġament tiegħu kif imfakkra minn Fra Ġwann minn Spanja waqt il-proċess tal-kanonizzazzjoni li sar Bolonja: “Kien jibgħat jippridkaw anke lil dawk li ma kellhomx ħafna esperjenza u kien jinkuraġġihom b’dawn il-kliem: “Morru bla biża’ għax il-Mulej jagħtikom il-kelma f’waqtha u jkun magħkom u ma jonqoskom xejn” [17].


Nixtieq inżur il-leġġendi li jitkellmu dwar Duminku biex infakkar xi wħud minnhom. Iżda qabel irrid li nżommu quddiem għajnejna żewġ affarijiet: li dawn huma “leġġendi” u se nitkellmu dwar mirakli ‘inutli’. L-ewwelnett se nitkellmu dwar leġġendi, jiġifieri, ukoll jekk ma humiex fatti ‘storiċi’ kif nifhmu l-istorja llum, ma humiex anqas ħrejjef ivvintati, iżda tifkiriet li kienu jridu jfakkru tal-qaddis. Jiena nqishom bħallikieku kwadri mpittra minn xi artist li jpitter skont l-istil tiegħu meta jaħdem il-kwadru. Qabel ma jibda jpitter, jistudja l-persunaġġ u, waqt li jfittex li l-kwadru jkun jixbaħ kemm jista’ jkun lill-persunaġġ, ma jibżax jieħu ċerta libertà biex joħroġ aktar fid-deher il-personalità tiegħu.


Imbagħad ir-rakkonti li se nippreżenta juruna xi mirakli ‘inutli’. Din il-kelma ġiet f’moħħi b’mod spontanju meta kont qed naqra dawn ir-rakkonti. Naf li xi drabi il-mirakli li jirrakkuntaw għandhom il-ħsieb li juru lill-qaddis bħala imitatur fidil ta’ Kristu, u li l-ġrajjiet li jirrakkuntaw jixbħu ħafna il-mirakli li għamel l-Imgħallem, bħalma huma t-tkattir tal-ħobż u tal-imbid, il-fejqan tal-morda u l-qawmien mill-mewt. Madankollu, dawn l-‘inutilità’, ejja nsejħulhom hekk, ma humiex sinjal tal-kredulità tan-nies tal-medjuevu. Għalija dawn iservu biex inwassal l-idea li il-qaddis missierna kien attent għal ħafna affarijiet ċkejknin ukoll li huma favur il-ħajja. F’dan is-sens irrid infakkar dak li qal il-Konċilju Vatikan II li, fil-Kostituzzjoni Pastorali Gaudium et Spes jgħid li “l-Kelma ta’ Alla li bih sar kollox ... iwissi li m'għandniex nimxu f'din l-imħabba fil-ħwejjeġ kbar biss, imma l-ewwel fiċ-ċirkustanzi ordinarji tal-ħajja” [18].

L-ewwel rakkont li rrid insemmi hu meħud mil-Libellus tal-Beatu Ġordan. Jgħid li Fra Bertrand “irrakkonta li darba waħda matul vjaġġ li kien qed jagħmel ma Duminku qamet maltempata kbira. Ix-xita kienet diġà għarrqet it-triq meta Duminku b’sinjal tas-salib biegħed dak id-dilluvju minn quddiemhom tant li, waqt li kienu mexjin kienu jaraw xi tliet passi quddiemhom it-taqtir tax-xita li kienet nieżla bil-qliel quddiemhom u ebda taqtira minnhom ma messitilhom imqar it-tarf ta’ lbieshom” [19].

Imbagħad hemm ir-rakkont ta’ Fra Ġwann, Kooperatur, li “waqt li kienu qed jaqsmu l-Alpi tal-Lombardija beda jħossu dgħajjef minħabba li kellu ħafna ġuħ” tant li ma setax ikompli jimxi. San Duminku beda jagħmillu l-kuraġġ, imma kien kollox għal xejn “ma felaħx jimxi aktar, tant beda jħossu jonqsulu l-forzi. Il- qaddis Missierna imqanqal mill-ħniena li biha kien imżejjen u mill-bżonnijiet tal-fratell, bħalma kien jagħmel is-soltu, dar lejn il-Mulej fit-talb. Imbagħad dar lejn il-fratell u qallu: Qum ibni, mur fit-tali post u ġib dak li ssib hemm”. Dan il-fratell “sab ħobża ta’ bjuda meraviljuża, imgeżwra f’sarvetta ta’ bjuda liema bħalha. Qabadha u mar lura fejn kien il-qaddis bniedem t’Alla, li tah permess biex jiekol minnha sakemm jerġa’ jiġi f’tiegħu.” Imbagħad Duminku talab lil Fra Ġwann biex jerġa’ jpoġġi dak li kien baqa’ mill-ħobża fejn kien sabha, u komplew il-mixi tagħhom. Imbagħad Fra Ġwann staqa lil San Duminku: “Missier, mnejn ġiet dik il-ħobża u min poġġiha hemm?” U l-qaddis wieġbu: “Ibni, ma kiltx biżżejjed?” “Iva”, wieġbu. U l-qaddis qallu: “Allura, la kilt kemm kellek bżonn irringrazzja lill-Mulej, kif inhu xieraq, u tistaqsix aktar” [20].

It-tielet rakkont jippreżentalna lil “Qaddis missierna li darba wasal il-kunvent meta l-patrijiet kollha reqdin. Billi ma riedx jiddisturbahom, flimkien ma sieħbu niżel għarkupptejh quddiem il-bieb, u talbu lill-Mulej biex jurihom kif jagħmlu biex jidħlu l-kunvent mingħajr ma jqajjem lil ħadd. Ħaġa tal-għaġeb! Kienu għarkupptejhom barra u, f’daqqa waħda, sabu ruħhom ġewwa. Ġrajja bħal din seħħet darb’oħra, meta kien fil-kumpannija ta’ fratell Ċisterċens, wara diskussjoni mal-eretiċi. Infatti, waslu tard fi knisja u sabuha magħluqa. Bdew jitolbu quddiem il-bieb, u f’daqqa waħda sabu ruħhom ġewwa, u għaddew il-lejl kollu fit-talb” [21].

Ippreżentajt dawn it-tliet rakkonti mingħajr ebda kumment, għax naf li jgħidu ħafna aktar milli l-kliem li bihom ġew mgħoddija lilna.


Tkellimna dwar Duminku quddiem l-Imsallab u quddiem ir-realtà tal-mewt li huma dikjarazzjoni kbar favur il-ħajja b’mod li, mingħajr dubju ta’ xejn nistgħu npoġġu fuq xufftejh l-għajta li qed tiġi mtennija b’aktar insistenza iżjed ma jgħaddi ż-żmien: “Hu possibbli li ngħixu f’dinja aħjar”.


Hekk irrid nibda r-riflessjoni dwar ir-reżurrezzjoni li mhix ħaġa oħra ħlief il-kontinwità tal-ħajja. Tajjeb niftakru li din il-kontinwazzjoni tal-ħajja tista’ ssir b’żewġ modi: wieħed minnhom hu ritorn għall-ħajja fuq din l-art wara inċident li jwassal għall-mewt, u dwar dan hemm rakkonti kemm fl-evanġelji biex ifakkru dak li għamel Ġesù, u kemm fil-Leġġendi dwar San Duminku, ukoll jekk l-ewwel kittieba Dumnikani, milli jidher, kellhom ċerta riservatezza biex jirrakkuntawhom biex ma jagħtux l-impressjoni li Duminku hu Kristu ieħor, “Alter Christus”, kif diġà għidt aktar ‘il fuq. Tajjeb li nsemmu l-ewwel miraklu li rrakkuntat Suor Ċicilja li fih San Duminku jqajjem mill-mewt bin waħda armla. Hawnhekk mhux se nirrakkonta l-miraklu iżda r-reazzjoni ta’ Duminku meta l-Papa sar jaf bih u “xtaq li jitkellem ma’ kulħadd f’diskors pubbliku dwar il-miraklu li seħħ”. Duminku ma ħallihx jitkellem dwaru u hedded li jekk il-Papa jagħmel dan, hu jitlaq bil-baħar lejn l-artijiet tas-Saraċeni u ma jirritorna qatt iżjed fir-reġjuni tagħna. Il-Papa, allura, ma xandarx fil-pubbliku l-miraklu ta’ Duminku, għax beża’ li dan iżomm kelmtu” [22].

Ċertament, dak li wettaq Duminku tul ħajtu kollha kien imsejjes fuq il-fidi li kellu dwar il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù, li kien l-ewwel frott u wkoll ir-rahan tal-qawmien tagħna lkoll. Dan kien iħeġġu biex jieħu ħsieb u jiffavorixxi lill-ġisem tal-bniedem u jittrattah bħala ħaġa maħluqa mit-twajjeb Alla li l-ħajja ma jtemmhiex iżda jbiddilha (kif naqraw fil-prefazju tal-quddiesa għall-mejtin). Dan kien assolutament kuntrarju għall-ħsieb tal-eretiċi li jqisu li l-ġisem kien maħluq minn spirtu ħażin.


Bdejna dawn ir-riflessjonijiet billi tkellimna dwar San Duminku quddiem is-salib tas-Salvatur. Tajjeb li niftakru li hemm awturi li jaraw ir-reżurrezzjoni diġà fi Kristu msallab, mhux biex igħidu li l-qawmien tiegħu mill-mewt seħħet fl-istess mument ta’ mewtu. Ma nafx nispjega dan b’mod profond, ukoll għax ma għandix f’idejja l-opra li qaluli biha. Iżda waqt li nserraħ fuq dak li qalli wieħed minn sħabi dwar il-ħarsiet ta’ Ġesù li wasslu għall-konverżjoni, “ħajja ġdida”, matul il-ġranet tal-Ġħid ħsibt ħafna fuq xi dettalji li nsibu fir-rakkonti tal-evangelju.

Niftakar li r-reżurrezzjoni seħħet meta kien għadu d-dlam, fis-sebħ tal-jum wara s-Sibt, meta ma kienx hemm xhieda, u s-suldati li seetgħu jixhdu dwar dak li ġara, aċċettaw il-korruzzjoni u xerrdu gidba u akkużaw lid-dixxipli ta’ Ġesù bis-serq ta’ katavru. Iżda niftakar li l-esperjenza tal-qawmien mill-mewt ġrat f’mumenti differenti lill-persunaġġi li ġarrbuha. Għal Marija minn Magdala, l-esperjenza tar-reżurrezzjoni seħħet meta ltaqgħet ma dak li hi ħasbet li kien il-ġennien. Meta dak ir-raġel sjeħilha b’isimha, Marija mimlija bil-ferħ għarfet li kien l-Imgħallem tagħha. Dak kien il-mument tal-qawmien għal dik li ġiet imsejħa u tassew kienet l-appostla tal-appostli. Għal Pietru u Ġwanni u d-dixxipli l-oħra l-esperjenza tar-reżurrezzjoni seħħet aktar tard, u għal Tumas seħħet tmint ijiem wara.


Naħseb li għal San Franġisk l-esperjenza tar-reżurrezzjoni seħħet meta għaraf kemm kienet futli r-rikkezza ta’ din id-dinja u ddeċieda li jħalli dar missieru, biex jagħti ħajtu għas-Sid tal-ħlejjaq kollha. U għal San Duminku?

Qed inħossni bħal wieħed li ma jafx jgħum iżda jiżżattat jinxteħet fil-baħar fond. Però, ma jidhirlix li nistgħu nimmarkaw mument drammatiku ta’ konverżjoni fil-ħajja ta’ dak li sa minn ċkunitu kien imdawwar b’ambjent reliġjuż ħafna. Iżda nemmen li għodda għal din l-esperjenza ta’ riżurrezzjoni kien il-kurċifiss, simbolu tal-mewt, għaliex, kif diġà rajna, hu ma kienx jiffissa għajnejh fuq l-Imsallab b’sens ta’ pjetà lejn Kristu, iżda aktar imqanqal mill-ħniena lejn l-irġiel u n-nisa li minħabba l-faqar u ngannati mill-ereżija abbandunaw il-fidi kattolika u poġġew fil-periklu s-salvazzjoni tagħhom.


San Duminku kien jemmen fil-qawmien li diġà seħħ ta’ Ġesù u li għad irid iseħħ għall-bnedmin kollha, u ħa fuqu l-missjoni li jxandar dawn iż-żewġ veritajiet.


Nixtieq nispiċċa dawn ir-riflessjonijiet bix-xhieda li ta Fra Rodolfu minn Faenza matul il-proċess tal-kanonizzazzjoni li sar Bolonja. Dan il-patri “irrakkonta li matul il-marda li biha miet, il-patrijiet inġabru madwar Duminku jibku. Dan ix-xhud kien iżommlu rasu u b’xugaman kien jixxuttalu l-għaraq minn wiċċu. Fra Duminku qalilhom: “La tibkux, għaliex jien se nkun aktar siewi fil-post fejn sejjer milli meta kont hawn magħkom” [23].

Ma hux għal xejn li l-aħwa Dumnikani jħobbu jiftakru f’dawn il-kliem meta sikwit ikantaw l-O spem miram li jqisuha bħala wegħda testamentarja ta’ Missierhom San Duminku. It-talba tagħna lil dan il-qaddis li għex ħajtu fid-dawl tal-Qawmien ta’ Ġesù hi dik li sikwit nirrepetu meta nkantaw l-O lumen ecclesiæ (O dawl tal-Knisja), fejn nitolbu ...nos iunge beatis (għaqqadna mal-qaddisin).


Ħalli l-ispiritwalità tagħna tkun waħda ta’ reżurrezzjoni, kemm permezz tal-impenn tagħna favur ħajja aħjar f’din id-dinja, kif ukoll billi ntennu kliem ta’ tama favur il-ħajja fis-sema fejn jixtieq iwassalna Ġesù nnifsu u bl-eżempju u l-għajnuna ta’ San Duminku.


________________________________________________________

  1. Atti ta’ Bolonja n° 29

  2. 1 Corintin 1, 23

  3. 1Corintin 2,2

  4. Mattew 28, 5-7

  5. 1 Corintin 15, 14-15

  6. Rumani 8,11

  7. Rumani 6, 4

  8. Libellus (mill ktieb ta’ P. Pietro Lippino op, San Domenico visto dai suoi contemporanei) n° 35.

  9. Ibid, n° 34

  10. Ibid n° 47

  11. La leggenda di San Domenico, profilo spirituale del Santo dal leggendario liturgico (trad. e commento di Angelico Iszak) – Piccola Biblioteca Domenicana, Ed Gribaudi, p.142.

  12. Gwanni 15, 13

  13. Gwanni 10,10

  14. l.cit p. 21

  15. ibid p. 22

  16. Gwanni 3, 16

  17. Atti ta’ Bolonja n° 26 (ed. P. Lippini, San Domenico visto dai suoi contemporanei, p. 465)

  18. Gaudium et Spes, kap III, n° 38

  19. Libellus, (ed. P. Lippini, n° 101, p. 164)

  20. Storie e leggende medievali, Vitae Fratrum ta’ Geraldo di Frachet op, (ed. P.Lippini, n° 85, p. 113)

  21. Ibid, n° 94, p. 123

  22. P. Lippini, San Domenico visto dai suoi contemporanei, p. 372

  23. Process ta’ Bologna n° 33, P. Lippini, San Domenico visto dai suoi contemporanei, p. 477

13 views0 comments