top of page
Writer's pictureEditor

Assemblea Provinċjali



It-Tlieta 11 ta' April 2023 l-aħwa tal-Provinċja Dumnikana Maltija ltaqgħu għal Assemblea Provinċjali bi tħejjija għall-Kapitlu Intermedju li ser jiġi ċċelebrat fix-xhur li ġejjin. Il-Kapitlu Intermedju huwa waqfa f'nofs il-terminu provinċjali, biex issir evalwazzjoni dwar it-twettiq tal-Atti tal-Kapitlu Provinċjali, dwar dak li seħħ u li għad irid jiġi attwat, u fuq kollox dwar l-isfidi preżenti li l-provinċja tkun qed tħabbat wiċċha magħhom.


Matul din l-Assemblea saru diversi interventi. L-ewwel intervent sar mill-Isqof George Frendo O.P., li ta riflessjoni dwar id-dimensjoni komunitarja li l-Kostituzzjonijiet Fundamentali tal-Ordni jagħtu lil kull aspett tal-ħajja Dumnikana.





It-tieni intervent sar minn P. Joseph Ellul O.P., id-delegat tal-Provinċja Dumnikana Maltija għall-Kapitlu ta' Tultenango fil-Messiku tal-2022. Huwa tkellem dwar l-esperjenza tiegħu f'dan il-kapitlu u elenka xi spunti li joħorġu mill-Atti.


Sar ukoll intervent mill-aħwa fl-Albanija fejn tkellmu dwar il-missjoni tagħhom hemmhekk fid-diversi parroċċi u oqsma oħra tal-Knisja f'din l-art. Tkellmu wkoll dwar l-isfidi li qegħdin iħabbru wiċċhom magħhom f'din il-ħidma tagħhom.


Ingħata wkoll aġġornament dwar il-qagħda tal-aħwa predikaturi fil-formazzjoni mis-surmast P. Llewellyn Muscat O.P. Huwa tkellem fost l-oħrajn dwar il-ħidma vokazzjonali.


Sar intervent mis-sindku tal-provinċja, P. Ivan Attard O.P., u mir-Rettur tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir P. Aaron Zahra O.P.




Għal din l-Assemblea attenda numru sabiħ tal-aħwa, li magħhom ingħaqdu dawk li jinsabu 'l hinn minn xtutna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni. Din l-Assemblea kienet opportunità għall-aħwa biex jiltaqgħu flimkien, jisimgħu dwar il-ħidmiet ewlenin tal-Provinċja u jirriflettu fuq l-isfidi ta' żminijietna.


Inħeġġukom iżżommu fit-talb lill-aħwa predikaturi kollha u titolbu għal aktar vokazzjonijiet Dumnikani.



Yorumlar


Post: Blog2_Post
bottom of page