top of page
  • Writer's pictureEditor

75 Sena mit-twaqqif tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir


Ritratti: Archdiocese of Malta - Ian Noel Pace

L-ewwel darba li l-Patrijiet Dumnikani Maltin missew direttament mal-ħidma edukattiva tat-tfal, kien proprju eżatt wara t-Tieni Gwerra Dinjija, ġewwa l-Birgu. Dan minħabba li l-patrijiet kienu tilfu l-kunvent u l-knisja f’attakk mill-ajru u kienu ngħataw il-Palazz tal-Inkwiżitur biex jintuża bħala kunvent u knisja, bil-patt u l-kundizzjoni li l-patrijiet joffru t-tagħlim lit-tfal tal-Kottonera. Kienet deċiżjoni tal-Kunsill tal-Provinċja fl-1948, taħt it-tmexxija tal-Provinċjal P. Joseph Gauci OP, li d-Dumnikani fetħu skola f’Malta u taw il-kontribut tagħhom fl-edukazzjoni. Għalhekk il-Provinċja Dumnikana ngħatalha dak li kien “Flores College” ġewwa l-Belt Valletta u d-Dumnikani tawh l-isem ta’ “St Albert the Great College”. Kien nhar is-16 ta’ Lulju tal-1948 li kien ġie konkluż il-ftehim tat-trasferiment tal-Kulleġġ bejn il-Provinċja Dumnikana u l-Familja Flores. Il-ħidma tat-trasferiment u l-bidu tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir sar taħt it-tmexxija ta’ Prof. P. Serafin Zarb OP, li kien inħatar bħala l-ewwel rettur tal-Kulleġġ. Kien nhar it-2 t’Awwissu li d-Dumnikani rċevew l-approvazzjoni tal-Gvern Malti biex il-Kulleġġ jibda jopera. Id-Dumnikani bdew bit-tagħlim fil-Kulleġġ il-ġdid tagħhom nhar l-4 t’Ottubru 1948. Din kienet l-ewwel sena skolastika tal-Kulleġġ San Albert il-Kbir. Minn dakinhar ’l hawn, il-Kulleġġ kompla jikber u javvanza ’l quddiem, tant li llum huwa maqsum fi tliet setturi: dak tal-Kindergarten ġewwa l-Fgura, u s-setturi tal-Primarja u s-Sekondarja ġewwa l-Belt Valletta.


Ir-Rettur tal-Kulleġġ u l-Kap tal-iskola Primarja P. Aaron Zahra OP u l-Kap tal-iskola Sekondarja s-Sur Horace Gauci, flimkien mal-amministrazzjoni u l-istaff tal-Kulleġġ, ippreparaw numru ta’ attivitajiet u okkażjonijiet biex matul din is-sena skolastika jiġi mfakkar dan l-anniversarju. Fost l-attivitijet f’dawn l-aħħar jumejn, ġew organizzati attivitajiet għall-istudenti kollha fuq it-tema: Komunità. Il-Komunità hija waħda mill-pilastri tal-kariżma Dumnikana li din is-sena l-Kulleġġ qiegħed jippromovi u jiddiskuti mal-istudenti.


Il-Provinċja Dumnikana Maltija, flimkien mal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, ser ikomplu jfakkru dan l-anniversarju matul din is-sena skolastika, biex flimkien jagħrfu l-għeruq u l-bidu ta’ din il-missjoni, li qed ngħixuha fil-preżent, iżda l-iktar importanti, fejn irridu mmorru fil-futur. Fid-dawl ta’ dan kollu l-istudenti dejjem ser jibqgħu fiċ-ċentru u l-qofol ta’ kollox.

Il-Festa liturġika ta’ San Albert il-Kbir hija avveniment annwali għall-Kulleġġ, imma din is-sena saru ċelebrazzjonijiet speċjali li matulhom il-kulleġġ qed ikompli jfakkar il-75 anniversarju. Nhar il-15 ta’ Novembru, kull klassi kellha attività edukattiva fuq it-tema ta' "Komunità", kif ukoll mumenti ta’ rikreazzjoni u ċelebrazzjoni wkoll. It-tfal tas-sekondarja kellhom l-okkażjoni li jmorru jieħdu kolazzjoni flimkien fi stabiliment ġewwa l-Belt Valletta. L-istudenti kollha ngħataw ukoll ċertifikat tal-okkażjoni, biex jibqa’ tifkira ta’ din is-sena hekk speċjali. Il-membri tal-istaff kellhom ċelebrazzjoni flimkien ġewwa l-Maritime Museuem il-Birgu. Nhar is-16 ta’ Novembru l-Kulleġġ flimkien mal-Arċidjoċesi ta’ Malta, organizzaw quddiesa kkonċelebrata fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, immexxija mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna. Matul din il-quddiesa kkonċelebraw il-provinċjal, P. Vince Micallef, ir-rettur tal-Kulleġġ, P. Aaron Zahra, flimkien mal-Isqfijiet Dumnikani Mons. Pawlu Cremona OP, li huwa wkoll ex għalliem tal-Kulleġġ, u Mons. George Frendo OP, li huwa ex rettur tal-kulleġġ. Magħhom ingħaqdu numru ta’ aħwa Dumnikani li jagħtu jew kienu jagħtu servizz fil-Kulleġġ.


Fl-omelija Mons. Arċisqof fakkar li l-istudenti għandu jkollhom esperjenza li tgħallimhom iduqu tassew il-paċi bejniethom, b’mod speċjali fil-qalb tagħom: “ħobbu lil xulxin, agħdru lil xulxin, irrispettaw ħafna lil xulxin kemm lis-superjuri, lill-istaff, lill-għalliema tagħkom imma anke lil xulxin. U nippruvaw nilqgħu lil kulħadd, hu kif inhu, imma nitolbuh dejjem biex jiltaqa’ ma’ Ġesù.”

Il-Provinċja Dumnikana Maltija, flimkien mal-Kulleġġ San Albert il-Kbir, ser ikomplu jfakkru dan l-anniversarju matul din is-sena skolastika, biex flimkien jagħrfu l-għeruq u l-bidu ta’ din il-missjoni, li qed ngħixuha fil-preżent, iżda l-iktar importanti, fejn irridu mmorru fil-futur. Fid-dawl ta’ dan kollu l-istudenti dejjem ser jibqgħu fiċ-ċentru u l-qofol ta’ kollox.


Ritratti: Archdiocese of Malta - Ian Noel Pace

Comments


Post: Blog2_Post
bottom of page