top of page
048deb3d75639ae9bd72a48a2cfc3134.jpg

L-Albanija

Tagħrif miktub minn P. Bernard Caruana O.P.

Il-preżenza tal-Ordni Dumnikan fl-Albanija tmur lura ħafna snin ilu meta fis-seklu XV il-Knisja Kattolika lokali kienet mogħnija b’diversi kunventi mxerrdin mal-Albanija kollha. Uħud mill-aħwa kienu msejħin biex jaqdu lill-poplu t’Alla bħala isqfijiet. Wieħed minnhom, Pal Engjelli, għall-ewwel darba, ġab għall-Albaniż il-formula li tintuża fil-magħmudija u b’hekk ta kontribut fl-iżvilupp tal-ilsien Albaniż.

 

Ħames sekli wara, jiġifieri fl-1992, il-Majjistru Damian Byrne O.P., permezz tas-sorijiet Dumnikani Taljani tal-Beata Imelda, ħeġġeġ lid-Dumnikani Maltin jibdew missjoni huma wkoll f’din l-art. Iż-żjara lill-Provinċja tal-Majjistru Timothy Radcliffe O.P. f’Jannar tas-sena 1995 ġabet magħha l-istedina uffiċjali u, wara li din ġiet diskussa fil-Kapitlu Provinċjali tal-istess sena, ġie deċiż li l-Provinċja Dumnikana Matlija tiftaħ l-ewwel missjoni tagħha fl-Albanija. Dan seħħ sewwasew nhar it-18 t’Awwissu tal-1996. Ma kienx żmien faċli. Kien għadu kemm intemm ir-reġim dittatorjali komunista u Ateu ta’ Enver Hoxha. L-Albanija kien l-uniku pajjiż fl-Ewropa komunista fejn l-atejiżmu kien il-fidi kostituzzjonali. Bil-liġi kellek temmen li ma hemmx Alla, u għalhekk, kull att jew ġest reliġjuż, kien meqjus bħala reat u li jistħoqq kastigi dixxiplinari li ġieli waslu sal-mewt bħalma jixhdu l-ħajjiet ta’ erbgħin martri tall-Knisja Kattolika lokali.

    

L-ewwel missjunarji P. Ġwann Frendo (li miet fl-Albanija stess fit-2 ta’ Jannar 2003)  u P. Joe Bonnici, middew għonqhom għax-xogħol fir-raħal imdaqqas ta’ Sukth u l-inħawi tal-madwar li jinsabu bejn il-kapitali Tirana u l-belt ta’ Durrës. Hawnhekk, l-aħwa u d-diversi voluntiera Maltin li taw sehemhom, stinkaw kemm felħu biex itejbu l-kundizzjoni tal-Knisja li diga’ kienet mibnija, u fil-bini ta’ dar biswitha.

   

Iż-żminijiet ma kenux faċli. Proprju f’dak il-perijodu  faqqgħet il-gwerra, u l-kriżi tal-Kosovo. Imma l-kuraġġ tal-ewwel patrijiet kien kbir u baqgħu hemm minkejja d-diversi pariri biex jitilqu. Fil-fatt kienu strumentali ħafna, iktar tard, biex jgħinu fil-kriżi umanitarja li nħolqot permezz tal-gwerra. Hawnhekk ta’ min isemmi l-ħafna volontiera Maltin li telgħu biex jgħinu f’dan iż-żmien ta’ kriżi u tant kritiku għall-Missjoni l-ġdida tal-Provinċja.

 

Fil-ħarifa tal-1999 ittieħed il-pass għaqli li l-missjunarji tagħna jiċċaqilqu minn Sukth għal Durres. F’din it-tieni l-ikbar belt tal-Albanija (wara l-kapitali Tirana), ukoll bil-ġenerożita’ u l-għajnuna ta’ ħafna Maltin, huma  bnew knisja parrokkjali li tesa’ mal-400 persuna, Ċentru Pastorali-Soċjali, u dar xierqa biex jgħixu fiha. Minn hawn, il-patrijiet Maltin setgħu jwettqu aħjar il-ħidma tagħhom ta’ evanġelizzazzjoni, tagħlim, ħidma sagramentali u assistenza soċjali lill-persuni fil-bżonn.  F’Durres il-patrijiet iservu mal-20,000 kattoliku mxerrdin f’diversi rħula fil-periferija tal-Belt – ewlenin fosthom Lagjja Mirdita, Porto Romano Fushë u Koder, Sektori Rinia u  Vëllazerim.

 

Ta’ min japprezza l-fatt li, minn meta twaqqfet din il-Missjoni, diversi kienu l-aħwa li żaruha u qattgħu xi żmien jaħdmu fiha. Fil-preżent il-komunità tal-patrijiet fl-Albanija hi ffurmata minn P. Kostantin Mamo, P. Bernard Caruana u P. Geoffrey Bugeja.

 

L-isforzi tad-Dumnikani Maltin bħal ġew ippremjati meta fit-23 ta’ Settembru 2006, P.Ġorġ Frendo OP ġie konsagrat Isqof-Awżiljarju tad-Djoċesi ta’ Tirana-Durrës. Fl-2016, imbagħad huwa ġie ukoll maħtur Arċisqof ta' Tirana.

Id-Dumnikani Maltin fl-Albanija għandhom ir-responsabilità ta' żewġ parroċċi, waħda f'Durrës u oħra f'Lagjja Mirdita.

Predikazzjoni: About Us
bottom of page